Sunday, January 26, 2025

Żagħżugħ akkużat li sawwat priġunier ieħor

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 17-il sena, li ismu ma jistax jixxanda fuq ordni tal-qorti minħabba li għadu taħt l-età, tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li fl-20 ta’ Diċembru li għadda sawwat priġunier ieħor u kkawżalu ġrieħi gravi.

L-akkużat li wieġeb mhux ħati hu priġunier fil-faċilità fejn jinżammu priġunieri taħt l-età fl-Imtaħleb.

L-Ispettur Godwin Scerri li mexxa l-Prosekuzzjoni qal lill-Maġistrat li jiem wara li kien seħħ il-każ il-Pulizija fl-Għassa tal-Mosta kien waslilhom rapport dwar dak li kien seħħ fl-Imtaħleb. Kien għalhekk li nħareġ mandat ta’ arrest biex ikun jista’ jiġi interrogat u anke biex il-pulizija jkunu jistgħu jaraw il-filmati tas-sigurtà.

Xehed li hu kien arrestat fis-6 ta’ Jannar li għadda u meta kien ittieħed l-għassa tal-Mosta, il-pulizija ma setgħux isibu tarf tiegħu għax beda jgħajjat, joffendi u jagħti bis-sieq, jgħid li se jħabbat rasu mal-ħajt u li se joqtol lilu nnifsu jekk ma jneħħulux il-manetti.

Sostna li ftit sekondi wara li kien fl-uffiċju tal-investigaturi, l-akkużat ta s-salt għat-tieqa li hemm fl-istess uffiċju u pprova jaqbeż 3 sulari. Hu ma tħalliex jaqbeż wara li ġie mwaqqaf mill-pulizija li kien hemm skorta miegħu. Kien hawn li ġie deċiż li hu jittieħed l-Isptar Mater Dei u wara anke ttieħed lejn it-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli.

Fil-Qorti ntqal li kien sar rapport mill-uffiċjali taċ-Child Protection u li l-akkużat għamel rapport mal-pulizija li ġie msawwat mill-pulizija li kienet skorta fl-inħawi tal-Isptar Monte Carmeli.

Is-social workers kienu qegħdin il-ħin kollu jakkumpanjaw lill-vittma.

L-avukat Dr Nicholas Mifsud mexxa d-difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport