Tuesday, February 11, 2025

Żagħżugħ li kien imfittex jiġi akkużat b’serqa u vjolenza domestika

Aqra wkoll

Llewwlyn Xerri ta’ 29 sena residenti Ħal Qormi, wara xi jiem li l-Pulizija kienet qiegħda tfittxu biex tarresah, tressaq il-Qorti b’rabta ma’ serqa minn ħanut tal-ikel f’San Ġiljan u vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu.

L-akkużat ġie arrestat nhar it-Tnejn li għadda fil-Każin tal-Banda ta’ San Ġiljan. Hu ġie arrestat wara li l-Pulizija għamlu appella lill-pubbliku biex kull min għandu xi informazzjoni fejn jinstab għaddi din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali lill-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni akkużat lil Xerri b’serq ta’ flus mill-kartiera ta’ wieħed mill-impjegati ta’ ħanut tal-ikel f’San Ġiljan kif ukoll li ħebb għall-eks sieħba tiegħu fir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar.

Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, l-avukat tad-difiża qal li f’dan l-istadju mhux se jkun qiegħed jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Fl-istess waqt l-avukat li qiegħed jidher għall-vittma talab lill-Qorti biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fuqha.

Il-Maġistrat Rizzo lagħqet it-talba tal-avukat tal-vittma u wisset lill-akkużat li ma jistax jikkuntatja lill-vittma bl-ebda mod, lanqas permezz tat-telefon mill-ħabs.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Farr, Antonello Magri, Jonathon Cassar flimkien mal-Avukat Clive Aquilna f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Buġeja deher għall-akkużat. Għall-vittma deher l-Avukat Lennox Vella.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport