Thursday, May 9, 2024

Żewġ Franċiżi bi ġrieħi gravi wara inċident ‘head on’ fix-Xagħra Għawdex

Aqra wkoll

L-inċident li seħħ aktar kmieni llum wara nofsinhar fi Triq Marsalforn fix-Xagħra ħalla żewġ Franċiżi bi ġrieħi gravi. Jirriżulta li raġel Franċiż ta’ 44 sena kien qiegħed isuq ‘buggy’ fejn għal xi raġuni spiċċa ħabat ‘head on’ ma’ vann Fiat Scudo.

Passiġġiera fil-buggy kien hemm mara ta’ 42 sena wkoll Franċiża, filwaqt li l-vann kien qiegħed jinstaq minn raġel ta’ 30 sena residenti Għajnsielem.

Mal-ħabta, il-buggy baqgħet dieħel f’Toyota Ist li kienet ipparkjata.

Fuq il-post intalbet l-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex iż-żewġ Franċiżi jinħarġu mill-buggy.

Aktar kmieni: Żewġ persuni l-isptar wara ħabta ‘head on’ fix-Xagħra Għawdex

Żewġ persuni kellhom jiddaħlu l-Isptar wara li għall-ħabta tat-2.30pm kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Marsalforn, ix-Xagħra.

Minn stħarriġ illi sar li kienet seħħ ħabta ‘head on’ bejn vann Fiat li kien misjuq minn raġel residenti Għawdex u ‘buggy’ li fiha kien hemm żewġ Franċiżi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar kif ukoll Membri tal-Protezzjoni Ċivili biex taw l-ewwel assistenza ż-żewġ sewwieqa sakemm setgħu jittieħdu lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura.

S’issa l-kundizzjoni taż-żewġ sewwieqa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni, għalkemm dan is-sit hu informat li s-sewwieq Għawdxi sofra biss ġrieħi ta’ natura ħfief.

Il-Pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.

Sport