Tifel u żagħżugħ tilfu ħajjithom wara li xarabank kienet involuta f’inċident tat-traffiku fil-Lvant ta’ Franza. Dan ġie kkonfermat mill-awtoritajiet lokali.
Ix-xarabank kienet qed tivvjaġġa bejn Lyon u Bourg-en-Bresse meta ħabtet għall-ħabta tas-07:00am ħin lokali nhar il-Ġimgħa, fil-belt ta’ Lent, madwar 55 kilometru ’l bogħod mill-fruntiera mal-Iżvizzera.
Is-Sindku tal-belt, Yves Cristin, qal lill-midja Franċiża li x-xarabank “ħarġet mit-triq u ħabtet ma’ siġra”.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Bourg-en-Bresse qal li fuq ix-xarabank kien hemm 43 passiġġier, fosthom 15-il tifel u tifla. Tliet persuni jinsabu f’qagħda kritika, filwaqt li 13-il persuna oħra sofrew ġrieħi ħfief.
Il-prosekutur żied jgħid li x-xufier ittieħed l-isptar wara li sofra xi ġrieħi u għadu ma ġiex interrogat mill-pulizija.
Aktar kmieni, il-Ministru Franċiż għall-Edukazzjoni, Édouard Geffray, qal li l-inċident kien jinvolvi diversi studenti.
Huwa qal lill-ġurnalisti li “dejjem ikun diffiċli meta wliedna jkunu vittmi ta’ inċidenti ta’ din ix-xorta”.
Ritratti li qed jiċċirkolaw fil-midja Franċiża juru xarabank blu u bajda mmejla f’dak li jidher li huwa gandott mal-ġenb tat-triq. Siġar jinsabu tul il-ġenb tat-triq. Il-parti ta’ quddiem tax-xarabank tidher li ġarrbet ħsarat estensivi.
Is-servizzi tal-emerġenza marru fuq il-post, filwaqt li ntużaw ħelikopters mediċi biex jieħdu lill-vittmi li sofrew ġrieħi serji fi sptar speċjalizzat.
Il-Ministru Franċiż għat-Trasport, Philippe Tabarot, li kien fi triqtu lejn iż-żona, qal li ntbagħtu wkoll aktar minn 100 ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-post.
Is-sala tal-kunsill lokali nfetħet biex tipprovdi kenn u tgħin fil-koordinazzjoni mas-servizzi tal-emerġenza, qal is-sindku tal-belt.




