Żewġ persuni ddaħħlu l-Isptar wara li aktar kmieni għall-ħabta tal-11:00 a.m kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Tal-Barrani fiż-Żejtun.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Suzuki Swift misjuqa minn tfajla ta’ 19-il sena residenti l-Fgura u Cevrolet Spark li fiha kien hemm raġel u mara li s’issa għadhom ma ġewx identifikati.
Tim mediku assista liż-żewġ persuni fit-tieni karozza sakemm huma setgħu jittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. S’issa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni tagħhom.
L-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident għadha għaddejja.