Saturday, December 21, 2024

Żewġ professjonisti oħra jingħataw Warrant fil-Konservazzjoni u Restawr

Aqra wkoll

F’ċerimonja uffiċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta Warrant lil żewġ professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali. Fost l-oqsma li ngħataw ċertifikazzjoni din id-darba nsibu l-qasam tal-kotba u karta kif ukoll l-interzjar fl-irħam.

Dan il-Warrant qiegħed jinħareġ għas-sitt darba mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, li jfisser li sal-lum ingħataw dan iċ-ċertifikat total ta’ 59 il-professjonist, u għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi u dan anke kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.

Waqt li indirizza lill-konservaturi u lir-restawraturi fil-preżenza tal-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi-Konservaturi, il-Ministru Owen Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dan il-Warrant, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti.

Il-Ministru Bonnici saħaq li peress illi x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal, galbu, u etika, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li biex wieħed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol jeħtieġ li jkollu Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien, partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-kumplament tal-Bord li kien strumentali biex illum qed jiġu rikonoxxuti dawn il-professjonisti billi jingħataw Warrant fil-konservazzjoni u restawr.

Ekonomija

Sport