Sunday, April 28, 2024

Żewġ żgħażagħ arrestati b’rabta ma’ serqa f’Buġibba

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ Żvediżi ta’ 17-il sena ġew arrestati mill-Pulizija wara li serqu ġojjelli ta’ żewġ persuni f’Buġibba.

Il-Pulizija spjegat li lbieraħ fl-3.45pm, uffiċjali tal-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq il-Merluzz meta nnotaw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż. Meta dawn lemħu l-pulizija, ipprovaw jaħarbu minn fuq il-post u filwaqt li wieħed inqabad, l-ieħor ħarab.

Dak il-ħin, il-pulizija daħlilhom rapport li fi ħanut fi Triq Dawret il-Gżejjer, kienet għadha kif seħħet serqa minn żewġ persuni li kienu f’ġojjellerija. Irriżulta li d-deskrizzjoni li taw il-vittmi kienet taqbel mal-persuna arrestata u dik li ħarbet.

Meta ż-żagħżugħ arrestat kien qed jiddaħħal fil-vettura tal-Pulizija, allegatament deher jarmi oġġett, li rrizulta li kienet brazzuletta tad-deheb misruqa mill-ħanut.

Iż-żagħżugħ l-ieħor kien qed jiġi mfittex u l-Pulizija saret taf fejn kien qed jgħix. Hu ġie arrestat ukoll u f’daru nstabu brazzuletta u arloġġ tad-deheb li nsterqu mill-istess ħanut.

Iż-żgħażagħ mistennija jitressqu l-Qorti fil-ġranet li ġejjin u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Sport