Tuesday, May 14, 2024

Żewġ żgħażagħ arrestati fuq traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ ta’ 18 u 20 sena, it-tnejn residenti Ħal Qormi, ġew arrestati wara li lbieraħ instabu fil-pussess tad-droga, f’ċirkostanzi li juru li kienet lesta biex tinbigħ. 

Kien għall-ħabta tad-9.00 a.m. x’ħin il-Pulizija ġew infurmati li żewġ persuni suspettużi qabżu l-grada ta’ kunvent li jinsab fi Triq Notabile, Birkirkara. 

Il-Pulizija tal-RIU marru minnufih fuq il-post u kif waslu, raw vettura b’żewġ żgħażagħ fiha taħrab minn fuq il-post. Din qajmet suspett, ġiet segwita u twaqqfet fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera. 

Saret tfittxija fil-karozza u nstabu sustanzi suspettati kokaina u eroina, oġġetti relatati mal-użu tad-droga u kif ukoll sikkina. Mas-sejba l-Pulizija infurmat liż-żgħażagħ li kienu taħt arrest, iżda wieħed minnhom ipprova jirreżisti bil-konsegwenza li weġġgħu żewġ pulizija, b’wieħed minnhom ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief.

Iż-żgħażagħ ġew skortati lejn l-Għassa ta’ Birkirkara u saret tfittxija fuqhom. Fuq wieħed minnhom instabet iżjed droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Birkirkara għadhom għaddejjin. 

Sport