Sunday, November 24, 2024

Żewġt irġiel ħatja b’moħqrija fuq żiemel

… Immultati €8,000 kull wieħed

Aqra wkoll

Żewġt irġiel kienu kundannati jħallsu multa ta’ €8,000 kull wieħed, wara li nstabu ħatja b’moħqrija fuq żiemel li kien taħt il-kura tagħhom. Iż-żiemel kien instab b’diversi feriti, mingħajr ikel u ilma f’kamra f’għalqa f’Marsaskala.

L-irġiel huma Felice Delia ta’ 58 sena minn Ħaż-Żabbar u Lucas Vassallo ta’ 32 sena minn Ħal Tarxien. Mill-provi li tressqu fil-Qorti rriżulta li ż-żiemel inkwistjoni kien jappartjeni lil Vassallo iżda kien fdah lil Delia sabiex iżommu fl-għalqa tiegħu u jeħodlu ħsiebu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qalet li ma kellha l-ebda dubju li Delia, kif stqarr hu stess waqt l-interrogazzjoni tiegħu, kien aċċetta li jżomm u li jieħu ħsieb iż-żiemel ta’ Vassallo u li baqa’ jieħu responsabbiltà tiegħu għal tliet xhur sħaħ sakemm iż-żiemel ittieħed mill-post fejn kien jinżamm mill-uffiċjali tal-Animal Welfare f’Ġunju tal-2021.

Fil-fatt jirriżulta li Delia nnifsu kien mar jirrapporta fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar li ż-żiemel kien ġie misruq minn ġol-istalla fejn kien jinżamm fil-paddock tiegħu.

Il-Qorti rat ukoll l-istqarrija ta’ Vassallo u tqis li ż-żiemel kien ħadu Delia bil-patt li ma jkollux x’jaqsam aktar maż-żiemel. Vassallo iżda xorta waħda aċċetta li jibqa’ jieħu ħsieb iż-żiemel tant li fl-istqarrija tiegħu ammetta li kien mar huwa stess jixtri l-mediċina għalih u kien jgħin lil Delia jtaqqab liż-żiemel u jqajmu fuq saqajh meta kien jaqa’ kif ukoll idewwilu l-feriti.

Minn dan kollu, il-Qorti qalet li hi sodisfatta li ż-żewġ imputati kienu jgħinu lil xulxin jieħdu ħsieb dan iż-żiemel u għaldaqstant it-tnejn li huma aċċettaw ir-responsabbiltà għaż-żiemel u li jieħdu ħsiebu.

Sadanittant, mix-xhieda li tressqu fil-Qorti rriżulta li ż-żiemel kien miżmum ġo kamra tal-ġebel li ma dehritx li kienet f’qagħda strutturalment sigura. L-istess xhieda kienu ddikjaraw li sabu liż-żiemel “fi stat terribbli, gravi, ħafna, fi stat ta’ bejn ħajja u mewt… bilkemm kien jiflaħ jimxi.”

Il-Qorti fehmet li din il-qagħda ta’ tagħdir kienet dovuta għal nuqqas assolut mhux biss ta’ ikel u kura ordinarja iżda wkoll ta’ trattament u kura medika li l-annimal evidentement kellu bżonn.

“Nuqqas li huwa diffiċli li wieħed jifhem meta Delia stqarr huwa stess li joqgħod ġewwa razzett li jirriżulta li jinsab biss ftit metri ‘l bogħod mill-kamra fl-għalqa fejn kien qed jinżamm dan iż-żiemel.”

Il-Qorti nnotat li huwa minnu li l-imputati stqarrew li huma pprokuraw mediċina għaż-żiemel iżda ma hemm xejn li juri li din il-mediċina kienet xierqa, wisq inqas li kienet effettiva, partikolarment meta ma jirriżultax li din ġiet preskritta minn tabib veterinarju jew abbażi ta’ eżami professjonali tal-annimal.

Il-Qorti rat ukoll il-filmati u r-ritratti relattivi u qalet li “huwa diffiċli jitwemmen kif bniedem jista’ jagħżel li jħalli lill-annimal tiegħu jispiċċa fi stat magħdur u kritiku bħal dak riskontrat f’dawn l-immaġini u fix-xhieda tad-diversi persuni li xehdu f’din il-kawża, jekk mhux minħabba l-estremi ta’ traskuraġni u abbandun.”

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabet lill-imputati ħatja tal-akkużi dwar moħqrija fuq żiemel u minbarra l-multa ta’ €8,000 kull wieħed, iż-żewġt irġiel kienu kkundannati iħallsu mal-€4,000 oħra fi spejjeż għat-trattament taż-żiemel.

Sport