Il-Labour Force Survey jindika li matul l-2024 il-paga bażika medja f’pajjiżna żdiedet b’mod qawwi ħafna. Dan hekk kif bħala medja din telgħet għal madwar €23,500 fis-sena jew madwar €1,960 fix-xahar. Dan ma jinkludix allowances u bonuses.
B’kuntrast is-sena ta’ qabel il-paga bażika kienet tlaħħaq €22,000, jew madwar €1,830 fix-xahar. Għaldaqstant kien hemm żieda fil-paga bażika medja ta’ €130 fix-xahar jew tkabbir ta’ madwar 6.8 fil-mija. Dan seħħ f’sena fejn l-inflazzjoni laħqet 1.7 fil-mija biss. Li allura jfisser li l-paga bażika medja żdiedet b’4 darbiet iż-żieda osservata fil-prezzijiet.
Skont ċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet l-aktar li kienu jitħallsu kienu dawk fil-kariga ta’ manager. Bħala medja dawn kellhom paga bażika ta’ €3,170 fix-xahar. Din kienet tfisser żieda ta’ €221 fix-xahar jew 7.5 fil-mija aktar minn sena qabel. L-anqas li kienu jitħallsu huma dawk f’impjiegi bażiċi, fejn il-paga medja kienet €1,239 fix-xahar. Dawn raw żieda ta’ €119 fix-xahar, jew titjib ta’ 10.6 fil-mija. Dan jindika kemm iż-żidiet fil-pagi kienu mifruxa. L-aktar kategorija ta’ ħaddiema li raw żieda kienu dawk f’impjiegi tekniċi fejn kien hemm żieda ta’ €244 fix-xahar, jew titjib ta’ 13.4 fil-mija.
Jekk imbagħad wieħed iħares lejn liema setturi ekonomiċi raw l-akbar żidiet fil-pagi, dawn kienu dawk tas-servizzi tal-gaming fejn kien hemm titjib ta’ €324 fix-xahar, jew 15.7 fil-mija aktar minn sena qabel. Din kienet segwita mil-paga bażika fis-settur finanzjarju fejn kien hemm titjib ta’ €209 fix-xahar, jew 8.1 fil-mija. Fit-tielet post kien hemm l-amministrazzjoni pubblika, saħħa u edukazzjoni fejn bħala medja il-paga bażika telgħet bi €193 fix-xahar jew 10.2 fil-mija.
Ta min ifakkar li f’Marzu 2013, il-paga bażika medja kienet tlaħħaq madwar €15,900, jew €1,325 fix-xahar. B’hekk mill-bidla fil-gvern il-paga bażika medja żdiedet bin-nofs, jew b’50 fil-mija. Barra minn hekk fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, l-paga bażika medja kienet żdiedet b’1.9 fil-mija biss, fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 2.4 fil-mija.