Thursday, March 28, 2024

Żieda qawwija ta’ każijiet tal-Covid-19 tolqot lill-AFCON

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni tal-Football tal-Kamerun qalet li erba’ players tagħhom irriżultaw pożittivi għall-Covid-19, bl-organizzaturi tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani se jibdew it-tournament kontra Burkina Faso fi żmien ftit aktar minn ġimgħa.

Pierre Kunde Malong, Jean Efala, Michael Ngadeu        Ngadjui u Christian Bassogog kienu ilhom taħt osservaz­zjoni mill-Erbgħa minħabba “suspetti qawwija” u se jkomplu jagħmlu kwarantina apparti mill-grupp, qalet il-fede­razzjoni nhar il-Ħamis.

Intant in-Niġerja wkoll qalgħu daqqa ta’ ħarta bl-aħbar li l-attakkant Victor Osimhen, li għadu kemm irkupra minn injury f’wiċċu li ġarrab waqt li kien f’Napoli, irriżulta pożittiv qabel it-titjira lejn l-Italja.

Napoli ħarġu stqarrija fejn qalu li Osimhen, li kellu jtir lejn Napli min-Niġerja għal kontroll fuq ħaddejh, se jiżola f’pajjiżu. B’10 ijiem qabel il-bidu tal-AFCON, Osimhen kien għadu mistenni jmur il-Kamerun. Iżda s-sitwazzjoni tiegħu mhijiex daqstant magħrufa. 

L-Alġerija, l-Ivory Coast u l-Marokk, li huma fost il-favoriti għar-rebħ tat-tazza, ntlaqtu wkoll mill-Covid-19 fil-preparazzjoni għat-tournament.

L-Ivorjani qalu li players li waslu mill-Ewropa għall-kamp tat-taħriġ tagħhom f’Jeddah, l-Arabja Sawdija, kienu ttestjati pożittivi u tpoġġew fi kwarantina mill-awtoritajiet lokali.

Huma ma semmewx lill-players u lanqas stqarrew kemm se jkollhom żmien ta’ iżolament iżda l-bqija tal-iskwadra se tkompli bit-taħriġ tagħha, żiedet stqarrija tat-team.

L-Ivory Coast ilhom jippreparaw fl-Arabja Sawdija minn nhar it-Tnejn u għandhom jibqgħu sal-5 ta’ Jannar, qabel imorru lejn il-Kamerun, fejn se jikkompetu fi Grupp E kontra l-Alġerija, il-Guinea Ekwatorjali u Sierra Leone.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Alġerija qalu li l-attakkant Youcef Belaili u d-difensuri Mohamed Amine Tougai u Houcine Benyada kienu rriżultaw pożittivi fil-kamp tat-taħriġ tagħhom fil-Qatar.

Għalhekk se jkollhom “josservaw il-perjodu ta’ kwarantina meħtieġ mill-protokolli sanitarji qabel ma jerġgħu jingħaqdu mal-iskwadra,” qalet il-Federazzjoni Alġerina.

Nhar il-Ħamis, il-club Spanjol, Barcelona, qal li l-player Marokkin tagħhom, Abdessamad Ezzalzouli, irriżulta pożittiv ukoll, u poġġa l-parteċipazzjoni tiegħu fil-finali fid-dubju.

Il-ġimgħa l-oħra n-nazzjonalità tiegħu kienet qed tkun kontroversjali wkoll, hekk kif kiseb iċ-ċittadinanza Spanjola li poġġietu fil-linja mat-team nazzjonali tagħhom.

Il-players kollha msejħa għat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, li l-clubs tagħhom qed jilagħbu fi tmiem il-ġimgħa, se jitħallew jibqgħu mal-clubs sa għada, it-Tnejn, f’kon­ċessjoni mħabbra l-ġimgħa li għaddiet mill-Konfe­de­razzjoni tal-Football Afrikana.

Il-Kamerun, li rebħu t-tazza ħames darbiet, se jikkompetu fi Grupp A ma’ Burkina Faso, Cape Verde u l-Etjopja fit-tournament, li jibda fid-9 ta’ Jannar u jintemm fis-6 ta’ Frar, bil-finali tintlagħab f’Olembe Stadium, fil-belt ta’ Yaounde.

Min-naħa tagħhom il-clubs qed jibżgħu li meta l-players jirritornaw ikollhom josservaw ġimgħatejn kwarantina. 

Ekonomija

Sport