F’Settembru li għadda, it-traffiku tal-passiġġiera kompla jesperjenza tkabbir fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif laqa’ 897,471 passiġġier, jiġifieri żieda ta’ 10.4 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet. L-ewwel jiem tax-xahar kienu fost l-aktar impenjattivi, b’aktar minn 33,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport fl-ewwel jum tax-xahar.
Minkejja li matul l-istess xahar, il-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdiedu b’9.1 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet, is-seat load factor laħaq id-90.2 fil-mija, l-ogħla livell li qatt intlaħaq matul ix-xahar ta’ Settembru. Dan jirrifletti r-rati b’saħħithom ta’ okkupanza fuq it-titjiriet minn u lejn Malta.
L-Italja baqgħet id-destinazzjoni l-aktar importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tant li matul ix-xahar ta’ Settembru kienet responsabbli għal 23% tat-traffiku tal-passiġġiera, segwita mir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja. Filwaqt li erbgħa mill-aktar swieq importanti għall-ajruport rreġistraw tkabbir fil-moviment tal-passiġġiera, is-suq Franċiż kienu l-uniku wieħed li esperjenza tnaqqis ta’ 2.9% meta mqabbel ma’ Settembru 2023, minħabba tnaqqis fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet u rata ta’ okkupanza mnaqqsa.
Intant l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nieda l-iskeda tat-titjiriet għax-xhur tal-ħarifa u x-xitwa, b’109 rotot lejn destinazzjonijiet differenti fl-Ewropa u l-Lvant Nofsani.
Fost iż-żidiet l-iżjed notevoli ta’ din l-iskeda, li tista’ tirreferi għaliha hawnhekk, hemm l-introduzzjoni ta’ titjiriet diretti lejn Dublin, tliet darbiet fil-ġimgħa, mil-linja tal-ajru nazzjonali Irlandiża, Aer Lingus. Eurowings qed jestendu wkoll it-titjiriet tagħhom lejn Dusseldorf. għall-iskeda l-ġdida.