Friday, April 26, 2024

Żvelat l-Ewwel Padiljun ta’ Malta fil-London Design Biennale

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, niedew l-installazzjoni Urban Fabric, l-ewwel Padiljun ta’ Malta li qed jiġi ppreżentat fil-London Design Biennale, li qed jitella f’Somerset House, Londra.

Matul it-tnedija, il-Padiljun ta’ Malta ospita prestazzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi Maltin KorMalta u ŻfinMalta. L-installazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta ġiet iddisinjata minn Open Square Collective, magħmul mill-Perit Matthew Joseph Casha li huwa l-lead creative, id-disinjatur tal-moda Luke Azzopardi, l-artist u akkademiku Trevor Borg u l-Perit Alessia Deguara.

“Din hija wegħda elettorali oħra mwettqa. Din il-parteċipazzjoni għandha l-għan li tesebixxi s-settur artistiku u kulturali ta’ pajjiżna kif ukoll li ssaħħaħ il-profil internazzjonali tad-disinjaturi Maltin. Kommessi li nibqgħu naħdmu biex insaħħu l-pjattaforma internazzjonali għas-setturi kulturali u kreattivi. Permezz ta’ dawn l-isforzi qed inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna li nesponu aktar lill-industriji kulturali u kreattivi tagħna”, stqarr il-Ministru Owen Bonnici.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-London Design Biennale ssegwi padiljuni oħra ta’ suċċess f’festivals internazzjonali bħall-Biennale ta’ Venezja, bix-xogħlijiet u esebizzjonijiet ikkummissjonati mill-Kunsill Malti għall-Arti jirċievu rispons pożittiv ħafna mill-midja internazzjonali. Il-Kunsill qed jimmira li jkompli jibni fuq dawn il-kisbiet billi jiffoka fuq viżibilità, kollaborazzjonijiet, u sħubiji internazzjonali filwaqt li jkompli joffri lill-artisti Maltin aċċess għal netwerks u skambji internazzjonali.

Sport