Saturday, May 18, 2024

Żwiemel: Il-finali tat-Tazza Johnnie Walker fis-26 ta’ Novembru

Aqra wkoll

Numru rekord ta’ żwiemel inkitbu sabiex jipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tazza Johnnie Walker hekk kif dan it-trofew prestiġjuż, li jmur lura sas-sena 1939, qed jiċċelebra 10 snin minn meta reġa beda jsir dan il-kampjonat.

Total ta’ 88 żiemel kien ifisser li din is-sena kienu 8 u mhux 7 it-tiġrijiet preliminari li minnhom ikkwalifikaw 32 żiemel tal-Klassi Gold li lbieraħ ġrew fi tliet semi finali u għalhekk saru magħrufa t-12-il finalist tal-Ħadd 26 ta’ Novembru.

“It-Tazza Johnnie Walker saret waħda mill-aktar kompetizzjonijiet mistennija mid-dilettanti tat-tiġrijiet tat-trot u l-livell milħuq huwa wieħed mill-aktar għolja u għalhekk għall-finali qed nistennew folla kbira ta’ nies”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome l-Avukat Matthew Brincat.

Il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club, is-Sur Tony Demanuele, irringrazzja lid-ditta M.Demajo Wines & Spirits Limited tal-fiduċja kontinwa u sostenn li tat matul dawn l-aħħar 10 snin lit-tiġrijiet taż-żwiemel u awgura li tkun finali kompetittiva fejn l-aħjar żiemel tal-ġurnata joħroġ rebbieħ.

Is-Sur Alfred Braddick, Marketing Manager ta’ M.Demajo Wines & Spirits Ltd importaturi lokali tad-ditta Johnnie Walker, qal li issa sar jistenna b’ħerqa dan l-avveniment u l-istess jagħmlu l-mistednin tagħhom għax jesperjenzaw mill-qrib il-passjoni u d-dedikazzjoni tad-dilettanti tat-tiġrijiet. Huwa għalhekk ta’ pjaċir li sena wara sena ikunu parti minn dan il-kampjonat.

Waqt il-konferenza stampa kien hemm ukoll mistiedna s-sidien taż-żwiemel finalisti li assistew għall-polza tan-numri li ż-żwiemel se jużaw waqt it-tluq tal-finali.

Total ta’ €2725 fi premjijiet kif ukoll trofej se jitqassmu lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet u għata kommemorattiva liż-żiemel rebbieħ. Is-sid taż-żiemel rebbieħ jingħata wkoll flixkun Johnnie Walker Blue Label u dawk taż-żwiemel li jispiċċaw fit-2, it-3 u r-4 post jieħdu Johnnie Walker 18-year old, Johnnie Walker Gold Reserve u Johnnie Walker Green Label rispettivament.

Sport