Saturday, May 4, 2024

L-aqwa riżultati fl-iskart f’21 sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din is-sena se tkun sena rekord, li fiha grazzi għall-poplu Malti rreġistrajna l-aqwa riżultati fl-aħħar 21 sena …minn kemm ilha mwaqqfa l-WasteServ. Is-sena 2023 hi s-sena li fiha ġew iġġenerati l-inqas boroż suwed. Sal-aħħar ta’ Settembru, il-poplu Malti u Għawdxi ġġenera 20,000 tunnellata anqas skart fil-borża s-sewda. Tnaqqis ta’ 21%. Fl-istess perjodu żdied l-iskart organiku b’35%. Liema skart qed jinbidel f’enerġija ħadra u rinovabbli.”

Stqarret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli meta fil-Parlament kienu qegħdin jiġu diskussi l-estimi tal-Budget għall-Ministeru li tiegħu hi responsabbli. Hija spjegat kif din is-sena, il-WasteServ qed tipproċessa l-akbar ammont ta’ materjal riċiklabbi li qatt tpoġġa fis-suq. Flok jintrema, jintuża mill-ġdid fl-ekonomija.

U dan, żiedet tgħid il-Ministru Dalli, minbarra r-riżultati pożittivi li qed jiġu rreġistrati mill-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb. Skema li qed naraw li tiġi estiża għal aktar kontenituri tax-xorb, sabiex tiżdied ir-rata ta’ skart li jmur għar-riċklaġġ.

“X’ma nkunx kburija bil-poplu Malti… li qed jifhem il-ħtieġa li nisseparaw l-iskart, li ndawru dak li ta’ qabilna rmew f’riżorsa,” qalet il-Ministru Dalli. Fissret ukoll kif din is-sena saru passi kbar ‘il quddiem fil-proġett tal-Waste-to-Energy li se jkun qed jilqa’ l-iskart li ma jistax jiġi riċiklat biex minnu tiġi ġġenerata l-enerġija nadifa.

Dan l-impjant se jibda jirċievi 192,000 tunnellata ta’ skart sabiex minnu jiġi ġġenerat 4.5% tad-domanda tal-elettriku fil-pajjiż. Proġett li se jqarribna lejn il-miri tal-Gvern li jnaqqas l-iskart mormi fil-miżbliet għal 10% sas-sena 2035.

“Tafu x’ifisser dan l-impjant? Ifisser li se nsalvaw medda t’art kbira daqs 30 ground tal-futbol li kieku pajjiżna kien ikollu jieħu biex joħloq aktar mizbliet. Dik hija l-politika tal-passat li ghadhom jemmnu fiha l-Opożizzjoni.

“Il-viżjoni tagħna hija li fejn haddieħor għamel miżbla aħna nagħmlu ġnien. Fejn ħaddieħor għamel impjant għall-iskart ħdejn ir-residenti, aħna nagħmlu park għall-familji,” irrimarkat il-Ministru Dalli.

Sport