F’dawn il-jiem qegħdin infakkru l-ewwel mitt jum ta’ ħidma tal-Amministrazzjoni Laburista l-ġdida li għal darb’oħra reġgħet ingħatat vot ta’ fiduċja mill-aktar b’saħħtu fl-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju li għadda. Kienet tassew rebħa storika, ir-raba’ waħda konsekuttiva, li l-ebda partit politiku ieħor ma rnexxielu jikseb fl-istorja politika Maltija.
Din ir-rebħa kompliet tpoġġi fuq spallejna l-amministrazzjoni Laburista responsabbiltajiet kbar fid-dawl tal-fatt li d-dinja f’dan l-aħħar xhur kienet għaddejja minn taqlib ġeo-politiku kbir u ħadd ma seta’ jbassar x’kien ġej għall-futur.
Il-vot tal-Maltin u l-Għawdxin fl-aħħar elezzjoni kien vot favur l-istabbilita. Kien vot favur il-kontinwita. Kien vot favur gvern li baqa’ qrib in-nies, jismagħhom u jaġixxi skont ix-xewqat tagħhom. Kien vot favur gvern li jserraħ ras in-nies li quddiem kull għawġ li jinqala, se jkollu gvern li jieħu ħsiebu, li jipproteġih minn kull ma jista’ jinqala.
L-ewwel 100 jum ta’ ħidma
Bħala Ministeru responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Programm Elettorali dawn kienu tlett xhur ta’ ħidma kontinwa biex naraw li l-miżuri kollha li wegħdna fil-manifest INT MALTA jitqassmu fost il-ministeri kollha, wħud minnhom ministeri ġodda, biex mill-ewwel tinbeda l-ħidma fuq it-twettieq tagħhom. Bl-għajnuna tal-unit mwaqqaf apposta fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għamilna dan u bdejna nsegwu l-ħidma ta’ kull ministeru, partikolarment fit-twettieq ta’ dawk il-miżuri li kellhom jibdew jitwettqu fl-ewwel 100 jum.
Protezzjoni Kostituzzjonali għall-Persuni b’diżabilita
Kien fl-ewwel seduti tal-Parlament il-ġdid li tlaqqa’ tlett ġimgħat biss wara r-rebħa elettorali li għaddejna bil-vot ta’ żewg terżi tal-Parlament, l-ewwel emenda kostituzzjonali li tagħti protezzjoni sħiħa lill-persuni b’diżabilita. Ressaqna wkoll emendi kostituzzjonali biex tinħoloq il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza imma t-tfixkil tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista waqqafna milli din tgħaddi mill-Parlament.
Il-White Rocks dikjarat Park Nazzjonali
Kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tal-Kabinett tal-Ministri li permezz tagħha inħareġ l-Avviż Legali li permezz tiegħu l-area kollha tal-White Rocks ġiet dikjarata bħala Park Nazzjonali. Permezz ta’ dan, l-inħawi kollha qed jingħataw protezzjoni legali li tiggarantixxi li fihom ma jista’ jsir l-ebda żvilupp.
Qbil fuq l-emendi għal Liġi tal-Ippjanar
Kif kien wiegħed ukoll il-Prim Ministru Robert Abela qabel l-elezzjoni, fl-ewwel mitt jum rnexxielna nġibu l-qbil ta’ kulħadd, minbarra tal-Oppożizzjoni, għall-emendi li ressaqna għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Liġi tal-Ippjanar biex jitwaqqaf ix-xogħol fuq żvilupp meta jkun hemm appelli pendenti kontra l-permess tal-iżvilupp. Tal-mistħija kif wara li għalqet il-konsultazzjoni pubblika biex il-Gvern issa jevalwa dak kollu li ġie sottomess u jlesti l-liġi għad-diskussjoni fil-Parlament, issa l-Oppożizzjoni qalet li qed tiftaħ konsultazzjoni pubblika hija stess.
€20,000 għall-persuni b’diżabilita first-time buyers
Wegħda oħra mwettqa f’dawn l-ewwel mitt jum hija l-għajnuna fl-akkomodazzjoni għal persuni b’diżabilita. Fl-iskema tal-First Time Buyers, persuni b’diżabilita ser jibdew jirċievu għajnuna ta’ €20,000 jiġifieri id-doppju ta’ dak li kienu jieħdu qabel. Għajnuna oħra li ħabbar il-Prim Ministru f’dan il-qasam hija għal dawk il-persuni li jkunu ibbenefikaw mill-iskema tal-First Time Buyers u mbagħad jidħlu f’separazzjoni. Minkejja li l-persuni separati jkunu qed jixtru t-tieni propjeta tagħhom, dawn jitqiesu xorta bħala first time buyers.
Wessajna l-parametri tal-Liġi tal-IVF
Żammejna anke kelmitna mal-koppji li jixtiequ jibdew familja permezz tal-IVF. Kif wegħdna f’dawn l-ewwel mitt jum, wessajna ċerti parametri ta’ din il-liġi biex aktar koppji issa jistgħu isiru ġenituri.
Hemm bosta miżuri oħra li wettaqna f’dawn l-ewwel mitt jum ta’ din il-leġisaltura l-ġdida filwaqt li hemm mijiet ta’ proposti oħra fil-Manifest INT MALTA li beda x-xogħol fuqhom u li r-riżultat ta’ dan ix-xogħol narawh fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Bla dubju, il-Budget għall-2027 li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jħabbar f’Ottubru li ġej se jkompli jibni fuq dan kollu u għandna għax nistennew li jibda t-twettieq ta’ miżuri ewlenin tal-Manifest. Mingħajr l-ebda dubju, ix-xogħol b’dinamiżmu li twettaq f’dawn l-ewwel mitt jum poġġa pedament sod għal ħames snin ta’ ħidma minn Gvern Laburista b’risq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

