Monday, September 7, 2026
Home Sport Half Ironman: Suċċess ieħor barra minn xtutna għal Keith Galea

Half Ironman: Suċċess ieħor barra minn xtutna għal Keith Galea

0
59

L-atleta internazzjonali Malti, Keith Galea, reġa kiseb suċċess ieħor barra minn xtutna. Nhar il-Ħadd 30 ta’ Awwissu, Galea ħa sehem fil-Half Ironman li saret ġewwa Poznan, fil-Polonja. Din it-triathlon kienet tikkonsisti f’1.9km għawma, 90km rota u ġirja ta 21.1km.

Galea beda t-tellieqa fuq nota pożittiva wara li telgħa mill-għawma fit-tielet post f’ħin ta’ 27.58. Wara l-ewwel tranżizzjoni, Galea beda r-rota b’pass b’saħħtu imma fl-istess ħin pass kostanti, għax 90km huma twal u kien hemm ħafna riħ mill-ġenb kważi mal-korsa kollha u dan kien ta’ effett għall-atleti kollha. Hawn Galea beda jagħti każ tan-nutrizzjoni biex ikollu saħħa kemm għar-rota kif ukoll għall-ġirja. Huwa għamel id-90km f’ħin ta’ sagħtejn u 14-il minuta b’veloċita’ media ta’ 40.5k/h.

Wara t-tieni tranżizzjoni, Galea beda l-ġirja b’pass tajjeb u baqa jżomm il-pass sal-aħħar. Huwa għamel in-nofs maratona f’siegħa u 25 minuta biex spiċċa t-tellieqa f’erba’ sigħat u 13-il minuta, ftit sekondi ‘il bogħod mill-aqwa ħin personali tiegħu. Huwa spiċċa fit-tielet post fil-kategorija tiegħu (35-39AG) U fit-38 post minn 1500 atleta.

Galea kien emozzjonat ħafna wara t-tellieqa meta sar jaf li spiċċa fuq il-podju. Huwa kien ilu ħafna jaħdem għalih dan il-podju fejn iddedika sajf sħiħ għal din it-tellieqa b’tahriġ iktar intensiv mis-soltu, minkejja li s-sħana għamlet it-tahriġ ħafna iktar difficili. Huwa qal ukoll li jinsab sodisfatt immens bil-prestazzjoni tiegħu u vera kuntent li s-sagrifiċċji li għamel taw il-frott tagħhom.

Huwa xtaq jirringrazzja lill-isponsors tiegħu: Eurosport Malta, Adistores, Malta Bike it up Racing, Team Barry, Team Fabio, Team Stazi, it-terapista tiegħu Duncan Abdilla, Starbene Takewhey, Glide Aquatics, Malta Triathlon Federation u SportMalta tas-sapport kontinwu li jagħtuh.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here