Minn Cristian Muscat
Floriana……… 0
Valletta………. 2
Valletta rebħu l-BOV Super Cup għall-14-il darba fl-istorja glorjuża tagħhom meta għelbu lir-rivali eterni Floriana bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
Din kienet it-tieni darba wkoll li Valletta rebħu s-Super Cup għas-spejjeż ta’ Floriana, wara li kien irnexxielhom jagħmlu dan lura fl-2011.
Kienu l-Greens li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta u kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta Gaston Romano laqat sieq il-lasta b’xutt minn tarf il-kaxxa. Tliet minuti wara, Federico Varela dejjem għal Floriana kellu xutt minn barra l-kaxxa li ntemm barra.
Madankollu, Valletta marru fil-vantaġġ fil-21 minuta meta Sava Radic żmarka lil Diogo Tavares fuq il-lemin u l-cross tiegħu ġie devjat għal ġewwa minn Amar Drina, biex ikkommetta auto-goal sfortunat.
Tliet minuti wara, Valletta reġgħu heddew il-lasti avversarji meta Roko Prsa għadda lil Andrea Zammit li qabeż żewġ difensuri qabel ma xeħet ftit barra minn barra l-kaxxa. Il-Beltin żammew il-pressjoni u fil-25 minuta Alex De Aguilar Gomes tilef ċans tajjeb, billi tefa’ barra minn tarf il-kaxxa.
Floriana wieġbu b’xutt ta’ Romano minn tarf il-kaxxa li ġie salvat mill-goalkeeper Adilson Maringa. Fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, Sava Radic ittestja lil Cioletti bi cross mil-lemin.
Fis-37 minuta, Maringa wettaq save tajjeb fuq cross-shot ta’ Kenan Dervisagic mix-xellug.
Eżatt qabel il-mistrieħ, Maringa salva tajjeb hekk kif antiċipa lil Tomislav Gudelj wara pass sabiħ minn Paul Mbong mix-xellug.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Valletta ħarġu ferm aggressivi u fil-50 minuta resqu viċin li jirduppjaw l-iskor meta l-ewwel Andrea Zammit ra lil Cioletti jsalva tajjeb biex mir-rebound Roko Psra kellu x-xutt fil-baxx tiegħu jiġi salvat minn fuq il-lnja mill-captain ta’ Floriana, Dunstan Vella, biex salva goal ċert.
Il-Greens wieġbu żewġ minuti biss wara permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Federico Varela li ntemm ftit għoli.
Iżda reġgħu kienu l-Beltin li ħolqu l-periklu fis-56 minuta meta Andrea Zammit deher destinat li jkompli javvanza lejn il-lasti avversarji, iżda twaqqa’ minn Paul Mbong li deher bħala l-aħħar raġel u b’hekk safa mkeċċi permezz ta’ karta ħamra diretta mir-referee Glen Tonna, bl-istess referee jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu wara li kkonsulta l-FVS.
U Valletta mal-ewwel approfittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar hekk kif fil-61 minuta skorjaw it-tieni goal meta ANDREA ZAMMIT avvanza tajjeb fil-kaxxa u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, fost id-dellirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Beltin.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Floriana u fit-78 minuta resqu ferm viċin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor iżda kienu sfortunati meta tentattiv mill-viċin ta’ Federico Varela, stampa mal-mimduda, bil-Beltin jeħilsuha ħafif.
Valletta komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Wara l-finali, il-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo ppreżenta s-Super Cup lill-captain ta’ Valletta, Brandon Paiber, fost l-ewforija tal-players, staff u partitarji Beltin.
Floriana: Guilherme Cioletti, Myles Beerman (Robert Muric 67), Amar Drina, Paul Mbong, Kenan Dervisagic (Stephen Pius Odey 46), Federico Varela, Dunstan Vella, Gaston Manuel Romano (Alen Kurtalic 67), Owen Spiteri, Carlo Zammit Lonardelli, Tomilsav Gudelj (Yassine Jbira 67) – Coach: Daniel Portela
Valletta: Adilson Aguero Dos Santos, Mattias Ellul (Manuel Morello 90), Ermin Bicakcic, Andrea Zammit (Keyon Ewurum 67), Jake Azzopardi, Diogo Joao De Figueiredo Tavares (Neil Micallef 90), Roko Prsa, Petar Sekulovic, Alex Se Aguiar Gomes, Moise Emmanuel Mbende, Sava Radic – Coach: Thane Micallef
Referee: Glen Tonna
assistenti: Jurgen Spiteri, Mark Ciantar
Raba’ Uff.: Daniel Portelli
Skorers: A. Drina 21 og, P. Zammit 61 (V)
Ammoniti: P. Zammit 62, B. Paiber (V)
Tkeċċa: P. Mbong 56 (F)
Player tal-Logħba: Andrea Zammit (Valletta)




