Minn tal-inqas 11-il persuna nqatlu fit-tieni lejl t’attakki Russi fuq Kyiv f’temp ta’ ġimgħa.
L-amministratur militari ewlieni ta’ Kyiv Timur Tkachenko qal li 46 persuna ndarbu f’dawn l-attakki, inkluż ħamest itfal.
Fuq Telegram, Tkachenko qal ukoll li ssoktat il-ħidma ta’ salvataġġ f’aktar minn 20 post filwaqt li ntlaqtu diversi binjiet għolja residenzjali f’żewġ distretti.
Dawn l-attakki seħħew proprju lejlet is-summit tan-NATO fit-Turkija, fejn il-President Ukren Volodymyr Zelensky mistenni li jkollu taħditiet mal-President Trump.
Sigħat qabel dawn l-aħħar attakki, Zelensky kien wissa li Moska “qiegħda tipprepara attakk ieħor kbir” fuq Kyiv wara l-attakki li wettqet il-Ħamis li għadda u li fihom inqatlu 30 persuna.
Qabel il-laqgħa tan-NATO, Zelensky ħeġġeġ lill-alleati biex ma jkunx hemm dewmien fil-provvisti ta’ missili fuq distanza twila sabiex dawn “jintużaw kontra r-Russja.”
Huwa kiteb fuq X: “Kwalunkwe dewmien bil-missili għad-difiża tal-ajru tagħna jfisser it-telf ta’ ħajjiet, u jinkoraġġixxi lir-Russja biex tkompli l-gwerra.”

