Pajjiżna bħalissa qed jiċċelebra l-ġimgħa ddedikata lill-korp tal-pulizija. Tul dawn il-jiem jitfakkar ukoll l-anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. U proprju din is-sena jaħbat il-212-il anniversarju tal-Korp. Għal din l-okkażjoni jittellgħu bosta attivitajiet li fihom il-membri tal-pubbliku ikun jistgħu jaraw f’hiex tikkonsisti ħidmet il-membri tal-Korp. Ħidma li l-uffiċjali tal-pulizija jkomplu jwettqu sabiex ikunu eqreb lejn il-bżonnijiet tal-komunitajiet ta’ pajjiżna.
Iżda lil hinn miċ-ċelebrazzjonijiet, dawn il-jiem ifakkru wkoll l-impenn u d-dedikazzjoni tal-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Impenn li ta’ kuljum jaqdu b’sens ta’ lealtà sħiħa lejn l-uniformi li jilbsu u biex ikunu ta’ servizz għaċ-ċittadini kollha ta’ dawn il-gżejjer. Għaldaqstant għandhom f’idejhom ir-responsabbiltà li jiżguraw is-sigurtà ta’ kulħadd.
Da kollu juri li x-xogħol ta’ dawn l-uffiċjali huwa wieħed importanti u jeħtieġ li jkompli jiġi rikonoxxut u apprezzat. Nisimgħu b’diversi każi fejn uffiċjali tal-Pulizija, bla ma jaħsbuha darbtejn, ikunu huma stess li jagħtu l-ewwel għajnuna li tkun kruċjali biex jiġu salvati l-ħajjiet. Min-naħa l-oħra, f’ċertu każi dawn l-uffiċjali jkunu mitluba jassistu anke f’ċirkostanzi diffiċli xi kultant b’sogru għal saħħithom u ħajjithom.
Hawnhekk inkunu qed nonqsu jekk ma napplawdux il-ħidma tal-Pulizija li f’dawn l-aħħar snin wettqet b’suċċess bosta mill-ħidma tagħha. Bħalma huma viġilanza akbar kontra l-pussess t-traffikar tad-droga, il-ħidma kontinwa biex naqset il-kriminalità minn pajjiżna, kif ukoll il-ħidma li wasslet biex jiġu solvuti l-omiċidji kollha ta’ dawn l-aħħar snin.
Għalhekk aħna minn dawn il-kolonni, filwaqt li nibqgħu nfaħħru l-ħidma tal-pulizija u l-għarfien tal-Gvern li għandu jkompli jtejjeb il-qagħda tal-Korp, ninsistu li l-investiment, f’qasam daqstant importanti għall-ħarsien tal-liġijiet ta’ pajjiżna, jitkompla. Dan ukoll jgħodd biex iħeġġeġ aktar żgħażagħ Maltin ifittxu karriera fil-Korp tal-Pulizija.
Għalhekk nemmnu li b’aktar avvanzi u investiment proprju u opportun, il-poplu għandu għax iserraħ moħħu li s-sigurtà tiegħu qed tiġi mħarsa kontinwament, anke permezz ta’ inizjattivi li jieħu l-Korp minn żmien għal żmien bħalma huma aktar pulizija fit-toroq tagħna, li minnhom infishom inisslu sens ta’ dixxiplina fost il-poplu b’mod inġenerali.

