Hekk kif dalgħodu kompla l-ġuri ta’ Yorgen Fenech mixli bħala l-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, id-difiża kompliet bil-kontra eżami tagħha wara x-xhieda li ta l-Assistent Kummissarju Arnaud.
Id-difiża staqsiet lil Arnaud jekk il-Pulziija intqal li l-Pulizija xtaqu li jinvestigaw il-laptop ta’ Caruana Galizia biex jaraw jekk kienx hemm iżjed informazzjoni.
Tistaqsi wkoll lil Arnaud jekk jaqbilx li dan il-laptop seta kellu informazzjoni sensittiva li setgħet wasslet għal min huwa kompliċi fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Arnaud jgħid li l-Pulizija riedu jinvestigaw, imma kkonferma li, minkejja t-talba tiegħu, hu qatt ma investigah għaliex qatt ma wasal għandu.
Tistaqsi wkoll lil Arnaud jekk jaqbilx li dan il-laptop seta kellu informazzjoni sensittiva li setgħet wasslet għal min huwa kompliċi fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Arnaud jgħid li l-Pulizija riedu jinvestigaw, imma kkonferma li, minkejja t-talba tiegħu, hu qatt ma investigah għaliex qatt ma wasal għandu.
L-Avukat De Marco li qiegħed parti mit-tim tad-difiża kompliet tistaqsi lil Arnaud dwar diversi persuni li fil-fehma tal-istess difiża setgħu kienu ta’ interess għall-investigazzjonijiet. Hija tistaqsi lix-xhud dwar jekk jafx lil “Toni l-Iblaħ” (Anthony Sammut) u “l-Biglee” (Anthony Chetcuti), kienu jafu lil George u Alfred Degiorgio u l-Vince Muscat. Tistaqsi wkoll dwar jekk kienx jaf li l-eks Spettur David Gatt kienx imur fil-maħżen tal-patata fil-Marsa fejn kienu saru l-arresti ta’ wħud li diġà ammettew il-ħtija. Hawn ix-xhud jgħid li hu jinsab informat li Gatt kien mar darba biss fil-maħżen tal-patata.
Id-difiża fil-kontra eżami tagħha staqsiet ukoll lix-xhud jekk saritx investigazzjoni dwar possibilità ta’ komunikazzjoni bejn David Gatt u Keith Schembri jiem qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech. Arnaud iwieġeb li meta kien George Degiorgio jiftakru jgħid li David Gatt kien qed jitkellem ma’ xi ħadd fuq il-mowbajl, u wara qalilhom li kien Keith Schembri.
Id-difiża kompliet tistaqsi lil Arnaud jekk fl-2017, Anthony Chetcuti magħruf bħala “il-Biglee” kienx il-Kap tas-Sigurtà fil-Freeport u jekk kienx infurmat dwar kuntrabandu ta’ droga fl-istess post. “Investigajtu?” staqsiet De Marco. Arnaud jgħid li jiftakar li saret investigazzjoni fuq il-kuntrabandu però ma jiftakarx x’kienu l-passi li ttieħdu wara. Jgħid ukoll li ma jiftakarx jekk Chetcuti kienx Kap tas-Sigurtà fis-sena msemmija.
L-Assistent Kummissarju Arnaud jgħus li fiż-żmien li nqatlet Daphne Caruana Galizia, huwa kien Spettur għalhekk ċertu responsabilitajiet ma kienx qed jieħu ħsibhom hu. L-Avukat De Marco tistaqsi lil Arnaud jekk kienx staqsa lill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien, Lawrence Cutajar, dwar patrols fl-akkwati tal-omiċidju, li setgħu saru. Hu jwieġeb li ma kienx staqsa.
Imbgħad l-Avukat De Marco tagħmel referenza għall-bomba li qatlet lil Caruana Galizia. Ix-xhud jenfasizza li fix-xhieda tiegħu ma qalx li kienu nxtraw imma sempliċiment inġiebu.
Id-difiża tkompli tagħmel pressjoni fuq ix-xhud meta kienu nġiebu dawn il-bombi, iżda mill-ġdid Arnaud jgħid li ma jafx meta nġiebu speċifikament, li jaf li nġiebu qabel il-każ ta’ Romeo Bone. De Marco tagħfas bi kliema lil Arnaud li l-bombi nġiebu f’Ottubru tal-2016, b’Arnaud jerġa’ jisħaq li ma jafx meta nġiebu.
Dwar is-sensiela ta’ bombi li kienu saru fil-passt, Arnaud jgħid li fis-snin qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia, kienu saru sensiela ta’ drive-by shootings u karozzi bombi, għalhekk hija naturali li min kien qed jagħmel dawn ir-reati kien saħħaħ il-materjal tiegħu. Jiddeskrivi lil dawn in-nies bħala “l-akbar grupp kriminali” u li kellhom gwerra bejnithom.
De Marco tistaqsi jekk is-SIM cards użati fil-każ kienux inxtraw flimkien. Arnaud jgħid li dawn kienu nxtraw flimkien, b’indikazzjoni lill-Pulizija li l-isplussiv kien diġà disponibbli.
Hekk kif kompliet tistaqsi, l-Avukat De Marco tagħmel referenza wkoll dwar il-mobile ta’ Yorgen Fenech fejn tgħid li hu ma kelux kuntatt ta’ ħafna mill-persuni msemmija fosthom tal-aħwa Degiorgio. Wara li ġie mistoqsi minn De Marco, Melvin Theuma qatt ma kien mar il-maħżen tal-patata fil-Marsa qabel ir-reat.
L-Avukat Gianella De Marco tistaqsi lil Arnaud jekk Melvin Theuma kellux in-numru personali tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, Lawrence Cutajar. Arnaud jikkonferma li kellu n-numru tiegħu u li kien tajulu Edgar Brincat magħruf bħala “l-Ġojja”. De Marco tistaqsi jekk vera n-numru ta’ Cutajar kien irreġistrat bħala “MRC” fil-mowbajl ta’ Theuma, b’Arnaud jgħid li ma jiftakarx.
Arnaud jgħid li kien hemm diskussjonijiet biex Melvin Theuma jiġi arrestat f’Jannar. Jgħid li dakinhar hu kien wissa lil Kummissarju jekk il-Pulizija għandiex pjan ieħor f’każ li l-oriġinali jisfaxxa fix-xejn. “Minħabba li hu ta’ fuqi, ovjament se ngħid yes sir imma jien kien għaddejt is-suġġerimenti tiegħi” qal Arnaud.
Quddiem il-Qorti, l-avukat De Marco tgħid li Theuma ried proklama fuq iżjed minn reat wieħed. L-Assisten Kummissarju Arnaud jgħid li l-ewwel waħda li ried kienet dik relatata mal-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
L-Avukat De Marco ssemmi r-reati li Melvin Theuma ried proklama fuqhom fosthom il-hold-up tal-HSBC f’Ħal Balzan fl-2007, il-hold-up tal-HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010 u l-hold-up tal-Casino di Venezia fil-Birgu fl-istess sena, flimkien ma’ reati oħra.
Melvin Theuma kellu ‘l fuq €700,000 fi flus kontanti
Hekk kif kompla l-kontra eżami lill-Assistent Kummissarju Arnaud, l-Avukat De Marco qrat il-proklama ta’ Theuma u qalet li huwa ngħata “a clean sheet”. Staqsiet kemm instabu flus u proprjetà f’ismu.
Hawn ix-xhud qal li minkejja li hu ma kienx fil-każ, kellu ‘l fuq minn €700,000 fi flus kontanti. Qal li, hu konxju li proklama toħroġ b’mod konformi u Theuma ma ngħatax “red carpet” jew trattament speċjali.
Xehed li l-prokalama ikkunsidrat ukoll l-involviment tiegħu fil-qtil. F’dan il-każ qal li ma kienx Theuma li talab għall-qtil u kien se jikxef ‘lil ta’ fuqu’.
L-Avukata De Marco u Arnaud jaqblu li Melvin Theuma beda jirrikordja lil Yorgen Fenech wara li seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Jintqal li fost il-persuni li rrikordja Theuma kien hemm Johann Cremona, iżda fil-pendrives tal-investigazzjoni dan ir-recording ma nstabx. De Marco tispjega kif Theuma kien qal li hu kien rrikordja lil Cremona bil-mowbajl tiegħu iżda kien rema dan il-mowbajl.
De Marco tirreferi għal kliem li kien qal Arnaud, dak li Melvin Theuma kien se jneħħi ħajtu b’idejh waqt il-kumpilazzjoni. Tispjega kif meta kien qed jixhed Theuma fil-passat, l-Avukat Gianluca Caruana Curran kien staqsih jekk kienx ħallas biex ingħata l-proklama. De Marco tistaqsi lil Arnaud jekk Theuma kienx se jtemm ħajtu wara x-xhieda tiegħu, b’Arnaud iwieġeb “iva”.
Fil-Qorti inqrat traskrizzjoni ta’ recording bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
F’din ir-recording, li nqrat mid-difiża, intqal li Johann Cremona ħallas lill-Kummissarju €15,000 għall-proklama. Minkejja dan, l-Assistent Kummissarju Arnaud insista li dan huwa assolutament mhux il-każ, kważi impossibbli u ġie investigat mill-pulizija.
Qal li Cremona kien qal lil pulizija li huwa kien jgħid minn kollox lil Theuma biex jikkalmah, għaliex Theuma kien fi stat ta’ disprament.
Aktar kmieni: Ikompli llum il-kontro-eżami ta’ Keith Arnaud fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech
Il-ġurati lbieraħ semgħu allegazzjonijiet li Fenech għamel lill-pulizija dwar kuntatti ma’ Joseph Muscat, chats dwar il-pjan biex jitlaq minn Malta u l-ewwel sigħat tal-kontro-eżami tal-investigatur ewlieni.
Il-kontro-eżami tal-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Keith Arnaud ikompli llum fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, wara s-seduta tal-bieraħ rat lill-avukati tad-difiża jibdew jisfidaw il-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Id-difiża fetħet il-kontro-eżami b’mistoqsijiet dwar diversi aspetti tal-investigazzjoni, fosthom is-sorveljanza li kienet qed issir fuq l-aħwa Degiorgio qabel il-qtil, il-laqgħat li kienu jsiru fil-Berġa ta’ Kastilja dwar l-investigazzjoni, u jekk il-pulizija kinux taw kas biżżejjed persuni oħra li setgħu kienu involuti fil-każ.
X’ħareġ ilbieraħ fil-Qorti
Ilbieraħ, il-ġurati semgħu diversi siltiet mill-interrogazzjonijiet ta’ Fenech, li fihom allega li kien ġie mwissi minn dak li dak iż-żmien kien il-Prim Ministru, Joseph Muscat, dwar l-arrest imminenti tal-middleman Melvin Theuma.
Skont ix-xhieda ta’ Arnaud, Fenech sostna li Muscat kien saqsieh jekk jafdax lil Theuma u, wara li wieġbu fin-negattiv għax “jirrekordjani”, allegatament wissieh biex joqgħod attent għax Theuma kien se jiġi arrestat.
Arnaud xehed li l-pulizija sussegwentement ikkonfrontaw lil Muscat b’dawn l-allegazzjonijiet, iżda l-eks Prim Ministru ċaħadhom kollha.
Huwa ċaħad ukoll li qatt iltaqa’ waħdu ma’ Fenech fil-Berġa ta’ Kastilja jew li għaddielu xi informazzjoni dwar l-investigazzjoni.
Il-qorti semgħet ukoll dwar komunikazzjonijiet bejn Fenech u Muscat li ġew irkuprati mit-telefowns investigati, kif ukoll dwar l-analiżi tad-data tal-lokalizzazzjoni tat-telefon ta’ Fenech, li l-pulizija eżaminaw wara li l-imputat allega li kien mar Kastilja f’aktar minn okkażjoni waħda.
Aktar kmieni fis-seduta, il-ġurati raw ukoll screenshots ta’ chats estratti minn apparat elettroniku, fosthom konverżazzjoni fuq Signal bejn Fenech u ħuh Franco, li fiha dan tal-aħħar kien wissieh li t-telefon tiegħu kien qed jiġi interċettat mill-pulizija. Ġiet esebita wkoll konverżazzjoni oħra bejn Fenech u zijuh, li fiha l-imputat kien saqsieh jekk setax “joqgħod fuqu”, filwaqt li ġew diskussi wkoll messaġġi relatati mal-ħlas ta’ avukati u l-ispejjeż legali.

