Kien imwiegħed sa mill-bidu u meta kien għadu f’pajjiżu, li kien se jiġi jaħdem f’pajjiżna bħala ‘carer’. Din mhux biss wegħduhielu imma anke kienet imniżżla bil-miktub u maqbula bejn il-partijiet.
Ġie f’pajjiżna u sab realtà differenti. Xogħol ta’ carer ma kellux. Minflok spiċċa jaħdem ħinijiet twal inaddaf l-annimali. Agħar minn hekk, talli sab xogħol ieħor u telaq, spiċċa f’nofs battalja legali biex iħallas il-paga sa tmiem l-kuntratt, xi ħaġa li hu spiċċa ġġilidha u rebaħha. U biex dawn il-ħaddiema jiġu jaħdmu f’pajjiżna qegħdin jintalbu ħlasijiet li meta tiġborhom flimkien jammontaw għal xejn inqas minn €13,000. Dan ifisser li għandhom l-ewwel sena u nofs jaħdmu biex jirkupraw dawn l-ispejjeż. Ma dawn hemm oħrajn li jgħidulhom li għandhom xogħol garantit f’Malta u meta jiġu isibu li dan ma jkunx minnu u jagħmlu xhur jistennew u jgħixu bil-karità ta’ sħabhom. U waqt li hawn din is-sitwazzjoni, hawn min qiegħed jitlob kważi €2,000 bħala tariffa biex iġib ħaddiem barrani.
IT-TORĊA fl-aħħar jiem kompliet tinvestiga għadd ta’ realtajiet li qegħdin jgħixu fihom il-barranin. Fost dawn hemm dawk li jgħixu bħala ‘living in carers’, b’ħinijiet twal u b’pagi ta’ ftit aktar mill-paga minima. F’għadd ta’ każi l-impjegati jiġu f’pożizzjoni li ma jistgħux imorru lura pajjiżhom minħabba l-ispejjeż li jkunu ħallsu.
“Ġejt dahri mal-ħajt’
Tkellem magħna Ezekiel (isem mibdul biex nipproteġu l-identità tiegħu). Hu kien jgħix il-Filippini u ddeċieda li jiġi jaħdem f’xogħol partikolari hawn. Jgħidilna li “meta ġejt introduċewni mas-sid. Qatt ma kellna kwistjonijiet imma jien ingħatajt xogħol li ma kienx dak li kont imwiegħed. Kont naħdem ħinijiet twal. La leave u lanqas festi. Meta tkellimt u qajjimt dan, infurmani li hu kien tani saqaf fuq rasi. Ġejt f’pożizzjoni fejn ma stajtx niċċaqlaq. X’nagħmel inmur lura meta ħallast flejjes kbar biex ġejt? Kelli nibqa’ hekk. Domt xhur twal naħdem f’dawk il-kundizzjonijiet sakemm sibt xogħol ieħor bl-għajnuna ta’ ħabib tiegħi”.
Kienet titħallas €900 fix-xahar mit-Tnejn sal-Ħadd bla leave u vaganzi
“Princess’, qaltilna li “jien kont ġejt naħdem hawn u bagħtuni f’post partikolari. Tawni akkomodazzjoni u anki kelli l-ikel. Kont nitħallas €900 fix-xahar. Xogħli kien mit-Tnejn sal-Ħadd. La kelli leave u lanqas vaganzi. Għall-ewwel qisni aċċettajt is-sitwazzjoni imma imbagħad bdejt nitkellem ma’ ħaddiema oħra mill-komunità tagħna u indunajt li kellhom kundizzjonijiet ferm aħjar minn tiegħi. Jien kont mit-Tnejn sal-Ħadd dejjem xogħol. Xejn ma kienet faċli biex nitlaq u nsib post ieħor, fl-aħħar irnexxieli. Bdew iwissuni li nista’ nispiċċa illegalment hawn”.
Talli bdilt ix-xogħol kelli nħallas €600… domt xhur wieqaf sakemm ġieli l-permess
Nathan (isem fittizzju biex nipproteġulu l-identità tiegħu) qalilna li jien ma kontx kuntent fix-xogħol li kont fih. Kelli ħafna xogħol. Kont nispiċċa nagħmel kollox. Il-ħin kollu bit-theddid li nispiċċa bla xogħol u niġi dikjarat illegali u jibagħtuni. Kelli noqgħod. Anki sigħat żejda bla ħlas kont nagħmel.
Finalment, bdejt nara kif nagħmel biex insib xogħol ieħor. Kelli nħallas €600 għal xogħol ġdid. Domt xhur wieqaf sakemm inħareġ il-permess u bdejt naħdem f’xogħol ieħor li kien aħjar. Dawn kollha spejjeż żejda għalina.”
Ma tawhx ix-xogħol imwiegħed u qalu li dan ma sarx għax kellu t-TB, imma tawh xogħol ieħor xorta
Ħaddiema ieħor li għadda minn esperjenza xejn sabiħa kienet dik li hu kellu jiġi jaħdem bħala ‘carer’. Ġara li meta ġie hawn spiċċa intbagħat jaħdem inaddaf l-annimali. Lill-awtoritajiet intqalilhom li dan sar għax kellu t-Tuberkolożi. Għal xi żmien bdew iwegħduh li se jibdlulu x-xogħol iżda dan qatt ma seħħ. Ir-raġuni li nġiebet għaliex l-impjegat tħaddem inaddaf l-annimali kienet minħabba dak li qalu li kienet t-Tuberkolożi kontaġġjuża. Il-mistoqsija li tqum imma tkun dik ta’ jekk kellu t-tuberkolożi kif inżamm xorta jaħdem fil-post inaddaf l-annimali bis-sid ikollu kuntatt miegħu?”.
€13,000 fi proċess biex tiġi taħdem f’Malta
Sana, li hi studenti mill-Pakistan meta tkellmet ma’ IT-TORĊA kienet iddikjarat li “rajt l-avviżi li kienu qed jirreklamaw lil Malta biex tistudja. Laqtuni. Wieħed minnhom kien jgħid: “inti persuna li dejjem ħlomt li ssir tabib? Malta toffri edukazzjoni eċċezzjonali għal dan. Universitajiet ta’ klassi mondjali. Miżati affordabbli.
Rikonoxximent internazzjonali”. Dejjem ridt insir tabiba u ma waqaftx naħseb fuq dan l-avviż. Kien hemm testimonjanzi ta’ studenti li rnexxielhom iġibu VISA għal Malta. Tħajjart. Kelli vjaġġ ta’ għaxar sigħat biex nasal għand din il-kumpanija ta’ konsulenza, li kienet qiegħda tagħmel dawn il-filmati.
Ma stajtx nagħmel dak il-vjaġġ. Ħadt id-deċiżjoni li nċemplilhom u nagħmel kollox onlajn. Minn hemm l-quddiem bdew sensiela ta’ ħlasijiet ma jaqtgħu xejn marbutin kollha mal-proċess li ningħata l-VISA għal Malta. Kelli nmur f’Dubai biex minn hemmhekk niġbor il-VISA mill-Ambaxxata Maltija. Kien proċess trawmatiku.
Ħlas wara ħlas. U mhux ħlasijiet baxxi. Spiċċajt ħallast €13,000 lill-kumpanija ta’ konsulenza sakemm finalment kelli l-VISA. Kelli nmur lejn Dubaj. Spejjeż fuq spejjeż. Għamlu tajjeb għalija tal-familja. F’Dubaj ġejt infurmata li l-VISA ġiet miċħuda. Mort lura l-Pakistan u kelli nagħmel il-proċess mill-ġdid. Il-VISA nġabet mat-tieni tentattiv. Spiċċajt ħallast flus doppji.”
Suppost konsultazzjoni bla ħlas… jitolbu €500 mal-ewwel appuntament
Sana tgħidilna li l-avviżi li rajt kienu ta’ kumpanija ta’ konsulenza ibbażata f’Faisalabad. Hemm għadd ta’ kumpaniji f’Faisalabad li xogħlhom fost affarijiet oħra hu li jassistu biex jgħinu fil-proċess ta’ VISA għal xi pajjiż partikolari. Jien ngħix f’naħa oħra tal-Pakistan u kelli vjaġġ ta’ madwar għaxar sigħat. Għamilt kuntatt magħhom bit-telefon. Tkellimna. Jgħiduli li jkun jaqbel ma nitlifx żmien u ma ntawwalx. Iddeċidejt li niftaħ l-applikazzjoni onlajn. Minn hawn ‘lquddiem bdew sensiela ta’ ħlasijiet. Ħallast €500 għal dawk li kienu ‘tariffi ta’ konsulenza’. Wara imbagħad ħallast €500 għal dik li kienet ‘admission letter’. Wara ħallast €300 għal ittra b’rabta mal-akkomodazzjoni. Ftit wara, ħallast €3,000 għal dawk li ssejħu “miżati oħra ta’ konsulenza. Dawn waħidhom kienu spiża ta’ €4,300 u f’idi kien għad ma kelli xejn”.
Tkellimt biex nuri is-sagrifiċċji u t-tbatija li ngħaddu minnha
Sana, tgħidilna li “tkellimt għax spiss insibu min jipponta subgħajh lejna. Hawn min jaħseb li ġejna xi divertità jew li kollox kien faċli. Xejn minn dawn. Biex niġu hawn nistudjaw hemm ħafna jgħaddu minn sitwazzjonijiet xejn sbieħ. Anki biex jiġu jaħdmu. Il-ħlasijiet li hemm involuti fi proċessi ta’ VISA huma qawwijin. Hemm domanda u għalhekk il-prezzijiet dejjem telgħin b’mod qawwi ‘lfuq. Jafu li hemm din ix-xewqa li wieħed jaħdem u jistudja fl-Ewropa u għalhekk il-prezzijiet jitilgħu. Ridt nuri li meta niġu hawn mhux aħna biss nagħmlu sagrifiċċju imma anke dawk ta’ madwarna”.
Nikkuntattjaw waħda minn dawn il-kumpaniji ta’ konsulenza… ’ebda risposta’
IT-TORĊA għamlet kuntatt mal-kumpanija tal-konsulenza li użat din l-istudenta, u li wassal biex sakemm intemm il-proċess ħallset eluf ta’ Ewros. Din il-kumpanija iżda għażlet li ma tweġibx.

