Hekk kif it-Tnejn kompla jinstema’ l-ġuri ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud irrefera għal chats li kienu saru bejn l-akkużat u zijuh.
Arnaud spjega li numru ta’ messaġġi urġenti kienu ntbagħtu lil isem irreġistrat bħala “Pilot of Son”, ġurnata qabel l-arrest ta’ Fenech, jiġifieri d-19 ta’ Novembru 2019. Hawn jidher li l-konversazzjoni kienet fuq titjiriet minn Malta lejn Franza, b’waħda minnhom tiswa madwar €13,000.
Fix-xhieda tiegħu, Arnaud qal li meta Fenech kien arrestat, il-Pulizija kienet ikkonfiskatlu l-mobile u dan ingħata lill-esperti forensiċi. Intqal li chat partikolari kienet fil-fatt konversazzjoni ma’ “Uncle Ray”.
Ix-xhud ta rendikont ta’ aktar messaġġi fejn fost l-oħrajn semma li Fenech kien ukoll qal lil zijuh: “ħudli ħsieb lil uliedi”. Zijuh wieġbu “be safe”. L-Assistent Kummissarju Arnaud qal ukoll li Fenech kien qal lil zijuh li “ma jaqbilx l-airport, jaqbel bid-dgħajsa”.
Lejliet li l-akkużat ġie arrestat ukoll, fiċ-chat, zijuh wissieh: “għada ħierġa storja oħra fit-Times”. Qallu wkoll, biex jiċċekkja ma’ “K”. Ix-xhud ikkonferma li “K” hu Keith Schembri. Arnaud żied jispjega li meta Fenech ġie arrestat, dan ċaħad li ried jaħrab.
Waqt ix-xhieda tiegħu, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud iċċara li waqt l-ewwel laqgħa f’Kastilja, il-pulizija ma kixfet l-ebda isem ta’ suspettati, iżda dawn l-ismijiet intqalu ma’ dawk preżenti biss waqt it-tieni laqgħa wara li l-investigaturi kienu identifikawhom.
Arnaud spjega li d-dati tal-arresti ma kinux ġew żvelati peress li d-deċiżjoni kienet tiddependi għalkollox fuq l-ippjanar operattiv u d-disponibbiltà tal-Forzi Armati ta’ Malta u diversi timijiet tal-pulizija.
Barra minn hekk, l-investigaturi riedu kienu qed jistennew konfermi mill-Europol biex jiżguraw li jkun hemm rappreżentant preżenti f’kull post fejn kienu se jsiru l-arresti, u għalhekk l-ebda data ma ġiet stabbilità dak iż-żmien.
Arnaud qal li kienu l-Pulizija stess li kienu jitolbu dawn il-laqgħat u mhux uffiċjali f’Kastilja.
Sadanittant, Arnaud ippreżenta chat bejn Fenech u l-eks Prim Ministru, Joseph Muscat fiż-żmien tal-party. Iċ-chat, qal, hi tas-26 ta’ Jannar tal-2019. Fiċ-chat, huma jiftehmu biex jiltaqgħu l-għada għas-1.30pm.
F’chat oħra, l-għada filgħaxija, Dr Muscat isaqsi lil Fenech jekk ħax pjaċir. Fenech qallu: “ħafna ħafna, imma kellek ħafna nies ħdejk u jien nistħi”.
Ix-xhud qal li dwar dan l-investigaturi kienu kellmu lil Dr Muscat, li iżda, kien ċaħad l-allegazzjonijiet kollha ta’ Fenech inkluż li kien kellmu waħdu.
Il-ġuri jkompli.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Fenech qed jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Giannella de Marco u Gianluca Caruana Curran. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-parte ċivile.



