Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-membri Maltin tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) – il-President tal-General Workers’ Union Jason Deguara u l-ekonomista Professur Philip von Brockdorff – aġġornaw lill-imsieħba soċjali dwar il-ħidma tagħhom fil-kumitat u tal-kumitat innifsu. Fl-istess waqt, permezz ta’ preżentazzjoni u diskussjoni, ġew esplorati wkoll aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bejn l-EESC u l-MCESD.
F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, is-Sur Deguara qalilna li fil-laqgħa tal-MCESD huwa ppreżenta x-xogħol tiegħu fi ħdan il-Kumitat. Huwa saħaq li jagħfas l-aktar fuq is-soċjal, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna lill-ħaddiema.
“Kollox imdawwar mal-membri tagħna, biex nara li l-aġenda Maltija kemm jista’ jkun tkun dejjem salvagwardjata u biex nara li l-leħen Malti jingħata prijorità estensiva f’dak il-Kumitat,” qal il-President tal-GWU.
Sadanittant, f’parti oħra tal-laqgħa tal-MCESD, il-Malta Fiscal Advisory Council (MFAC) ippreżenta analiżi dettaljata dwar ir-Riżultat Makroekonomiku u Fiskali tal-2025, kif ukoll it-Tbassir għall-2026.
Dwar dan, iċ-Chairperson tal-Malta Fiscal Advisory Council, Dr Moira Catania, flimkien maċ-Chief Economist tal-Kunsill, is-Sur Gilmour Camilleri, taw preżentazzjoni dettaljata lill-membri tal-MCESD.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, is-Sa. Maria Micallef, saħqet fuq l-importanza li l-MCESD ikollu laqgħat regolari mal-Malta Fiscal Advisory Council sabiex id-data u l-analiżi tiegħu jkomplu jsaħħu d-djalogu soċjali u jikkontribwixxu għal tfassil ta’ politika aktar infurmata.
Matul il-laqgħa, l-imsieħba soċjali pparteċipaw f’diskussjoni li matulha qasmu l-fehmiet u l-proposti tagħhom dwar is-suġġett. Huma enfasizzaw l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ l-ekonomija tagħha u toħloq aktar opportunitajiet għan-nies u n-negozji.
Ġew diskussi wkoll temi bħat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-produttività, il-kompetittività tan-negozji, id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Għawdxija, is-sigurtà tal-enerġija, il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, kif ukoll kif dawn il-prijoritajiet jistgħu jkomplu jsaħħu lill-pajjiż fil-futur.
L-imsieħba qablu li rapporti regolari ta’ dan it-tip huma ta’ valur biex jappoġġjaw diskussjonijiet ibbażati fuq evidenza u biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi tal-futur.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti, irringrazzja lill-imsieħba soċjali tal-impenn kontinwu tagħhom fi ħdan l-MCESD u saħaq li l-Gvern se jkompli jisma’ l-fehmiet u l-kontribut ta’ kulħadd.

