Jekk hemm xi ħaġa li wieħed jista’ jipprevedi bl-akbar fiduċja bħalissa, din hi li das-sajf is-servizzi ta’ għajnuna u ħarsien se jkollhom aktar minn qatt qabel x’jagħmlu. Waqt li l-inċidenti tat-traffiku mhumiex se jonqsu f’dawn ix-xhur, l-inċidenti madwar ix-xtut u l-ibħra tagħna x’aktarx li jiżdiedu. Hekk wieħed jistenna li jiġri jekk is-sajf ikun qalil, kif diġà kien fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. Apparti milli ċittadini, anzjani jew le, jistgħu jsibu ruħhom fi gwaj fiżiku minħabba s-sħana, jiżdiedu l-perikli ta’ nirien f’ċirkostanzi fejn in-nies mhumiex daqstant imdorrija jilqgħu għal sħanat qawwija u sostnuti fil-modi kif jaħżnu materjali u oġġetti mormija.
Ix-xogħol ta’ salvataġġ ta’ spiss hu iebes ħafna u perikoluż. Bla dubju, jingħata taħriġ bla waqfien lill-personnel konċernat biex jilqa’ bl-aħjar mod għall-problemi li jinqalgħu. Ix-xogħol li jagħmlu diffiċli tkejlu. Ġieli donnhom l-emerġenzi jixxottaw, ġieli jfuru. Għall-każi kollha, trid tkun lesta reazzjoni xierqa u adekwata. Tajjeb li l-publiku jsir jaf dejjem aktar dwar ix-xogħol siewi tagħhom.
PROGRESSIV
Xi tfisser li tkun progressiv fiż-żminijiet tal-lum? Jew forsi aħjar – x’jinvolvi?
Id-differenzi bejn xellug, lemin u ċentru donnhom tneħħew għax l-aqwa kontroversji jqumu dwar l-ambjent – fi sfumaturi dwar kemm u fejn se jitqiegħdu t-taxxi – u fuq ir-regoli dwar imġiba sesswali u d-diskriminazzjoni. Dwarhom jistgħu jittieħdu pożizzjonijiet differenti indipendentement mill-pożizzjonar “ideoloġiku”.
Fis-soppa liberali, kollox jitħallat u jiġi deċiż skont kriterji teknokratiċi ta’ spiss imgeżwra f’lingwaġġ (psewdo)maniġerjali li jesprimi l-għażliet fil-kejl ta’ qafas riġidu li mhux dejjem ifisser tajjeb ir-realtà. Id-dibattiti rari jsiru dwar għażliet li jikkonċernaw valuri fondamentali: aktar dwar min se jieħu xhiex u kemm se jkollu jagħti (preferibbilment jieħu biss).
Iva, it-tifsira ta’ x’jikkostitwixxi progressiv iċċajpret.
TIFKIRIET TA’ NIXON
Interessanti l-osservazzjoni li għamel dan l-aħħar il-Viċi-President Amerikan Vance: Kieku dak li wettaq il-President Nixon fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor, għamlu llum, bl-ebda mod ma kien iqanqal it-tempesta politika li wasslet għar-riżenja tiegħu.
Interessanti wkoll kienu l-kummenti tal-magazine The Atlantic għal x’qal Vance. Waqt li hu kien korrett fil-konklużjoni tiegħu, bl-ebda mod dan ma jfisser li meta qamu l-irwiefen kontra Nixon, qamu ta’ xejn b’xejn. Kien hemm raġunijiet qawwija, li għadhom validi sal-lum, li anke wasslu rappreżentanti tal-Partit tiegħu fil-Kungress biex iduru kontrih. Il-problema hi mhux li sar ħażin dak iż-żmien, imma li l-istandards ta’ tmexxija dwar ir-rispett tal-istat tad-dritt, il-kondotta politika personali u t-trasparenza fil-governanza llaxkaw enormement.
Bla dubju dan l-iżvilupp għad iqanqal problemi kbar għas-soċjetà Amerikana… u f’imkejjen oħra fejn ġara l-istess.

