Il-lejl jiġi għall-mistrieħ u huwa importanti għas-saħħa b’mod ġenerali. Huwa importanti wkoll għall-anzjani tagħna f’din il-fażi ta’ ħajjithom ikollhom lejl kwiet u sigur b’moħħhom mistrieħa meta jpoġġu rashom fuq l-imħadda. Però dan mhuwiex dejjem il-każ għal uħud mill-anzjani li għal raġunijiet varji jkollhom bżonn ta’ post sigur fejn jorqdu.
Għal dan il-għan f’pajjiżna għandna shelters apposta li jilqgħu anzjani ta’ l fuq minn 60 sena li jgħixu waħidhom li jħossuhom insiguri fi djarhom. Dan is-servizz bħalissa qiegħed jintuża minn 13-il anzjani mentri seba’ oħra ma ġewx aċċettati għax ma ssodisfawx il-kriterji.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela fil-Parlament fejn beda biex spjega li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tħaddem servizz ta’ night shelters li fihom l-anzjani jingħataw kenn sigur għal matul il-lejl.
Dan is-servizz huwa disponibbli għal matul il-lejl biss. “Għaldaqstant, m’hemmx residenti f’dawn ix-shelters. Bħalissa hemm 13-il persuna li jagħmlu użu minn dan is-servizz u mill-ewwel ta’ din is-sena sal-lum kien hemm seba’ applikanti li ma ġewx aċċettati minħabba li ma kienux jissodisfaw il-kriterji biex jingħataw is-servizz,” spjega l-Ministru Abela.
Fir-rigward huwa speċifika li dan is-servizz għandu l-iskop li joffri kenn sigur għal matul il-lejl lill-anzjani li jgħixu waħedhom u li għal diversi raġunijiet iħossuhom insekuri f’darhom.
Il-Ministru Jo Etienne Abela kien qiegħed jirrispondi għal interpellanza magħmula mid-Deputat tal-Oppożizzjoni, Ivan Bartolo.
Il-kriterji ta’ eliġibilità għal dawn in-night shelters huma:
· Anzjani li għandhom minn 60 sena ’l fuq li jgħixu waħedhom u li jgħixu ħajja indipendenti jew jirrikjedu assistenza minima fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ kuljum;
· Persuni li ma jbatux minn xi kundizzjoni medika (bħad-dimensja) li tista’ tkun ta’ problema għal klijenti oħra li jużaw in-Night Shelter.
Dan is-servizz huwa bi ħlas ta’ €2 għal kull lejl.