Tlettax-il persuna rnexxielhom iwettqu b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni offrut mill-Aġenzija Sedqa. Programm offrut fuq medda ta’ xhur u li jgħin lil dawn il-persuni joħorġu mid-dipendenza li jkollhom mid-droga.
Permezz ta’ din iċ-ċerimonja, Sedqa ċċelebrat ukoll lil dawk l-entitajiet li permezz tal-isforzi tagħhom qed jikkontribwixxu għal soċjetà aktar sana, ukoll ’il bogħod minn kull tip ta’ vizzji.
Din iċ-ċelebrazzjoni annwali saret fil-preżenza tal-Eċċellenza tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon.
Fid-diskors tagħha, Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, irrikonoxxiet il-vjaġġ straordinarju ta’ reżiljenza, tama u bidla ta’ kull wieħed u waħda minn dawk li ggradwaw, u fissret din is-serata bħala l-ewwel pass ta’ bidu ġdid. Irrikonoxxiet ukoll l-għajnuna li s-Sedqa offriet lil dawk maħkuma mill-vizzji u l-impenn tal-aġenzija b’risq il-prevenzjoni. Fi tmiem id-diskors tagħha, il-President wasslet ukoll messaġġ li fis-soċjetà tagħna hemm bżonn jonqos il-preġudizzju. Kliemha kien li “min hu vittma jeħtieġ għajnuna u mhux kundanni.”
Waqt din is-serata ngħataw ukoll rigali kommemorattivi li ħejjew l-istess residenti ta’ Komunità Santa Marija u tifkiriet kommemorattivi li jissimbolizzaw l-kunċett ta’ responsabbiltà, rifless ta’ empatija, rispett, mingħajr disprezz, distanza jew ġudizzju. Ċerimonja li matulha spikkaw numru ta’ testimonjanzi ta’ persuni li reġgħu kisbu lura ħajjithom u qed jgħixu ħajja sana ’l bogħod minn kull vizzju jew dipendenza.
II-Ministru Michael Falzon tkellem dwar ir-realtà soċjali li qed tolqot kemm individwi u kif ukoll familji, li sfortunatament qed jinqabdu f’dan il-vizzju. “Huwa għal dan il-għan li kontinwament ninvestu finanzjament kemm fi programmi bħal dawn u anke professjonisti. L-għajnuna qiegħda hemm u għaldaqstant nappella lil dawk li qegħdin fi problema sabiex jagħmlu dan l-ewwel pass. Nuqqas ta’ azzjoni tista’ tfisser konsegwenzi ferm agħar aktar ma jidħol fil-fond il-vizzju,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti spjega li matul l-2025, l-Aġenzija Sedqa għenet 2,037 persuna; filwaqt li sa nofs Ġunju ta’ din is-sena, 1,832 persuna oħra ngħataw l-għajnuna mill-professjonisti ta’ Sedqa. Tkellem ukoll dwar il-programmi ta’ prevenzjoni fejn spjega li fl-2025 kien hemm 4,141 programm preventiv f’diversi setturi. Dan ifisser li dawn il-programmi laħqu aktar minn 27 elf persuna f’sena waħda. Għal matul din is-sena, s-Sur Grixti qal li sa issa diġà saru 1,313-il sessjoni jiġifieri taħriġ lil aktar minn 9,000 persuna.


