Wara kull elezzjoni ġenerali, il-Konferenza tal-Partit Laburista titlaqqa’ bil-għan ewlieni li tkun konfermata t-tmexxija tal-Partit. It-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-deputati mexxija Ian Borg u Alex Agius Saliba tibqa’ imfakkra fl-istorja tal-Partit bħala t-tmexxija li naqqxet il-kisba tar-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva tal-Partit Laburista.
Din hija kisba mingħajr ebda preċedent fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Kisba li seħħet għaliex il-poplu Malti emmen mill-ġdid li l-Partit Laburista għadu l-forza politika li għandħa l-aħjar kredenzjali biex ikompli jmexxi lil pajjiżna. Kredenzjali li huma riżultat tal-kisbiet li seħħew fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista. Tmexxija li tat lil pajjiżna successi ekonomici kbar, ħolqien ta’ xogħol b’rata mingħajr ebda preċedent, tisħiħ fil-qafas soċjali ta’ pajjiżna u kisbiet oħra li impattaw pożittivament fuq il-poplu kollu.
Ir-riżultat huwa l-bidu tat-triq
Din il-Konferenza Ġenerali qed tissejjaħ mhux biss b’ħarsa lura lejn il-kisba elettorali li kellu l-Partit Laburista iżda hija konferenza fil-bidu ta’ leġislatura ġdida. Bidu ta’ ħidma ta’ gvern ġdid li għandu manifest elettorali ambizzjuż quddiemu. Manifest li fih diversi miri li jridu jintlaħqu bil-għan li f’pajjiżna jibqa’ jinħoloq u jitqassam il-ġid iżda wkoll li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja. Għall-ewwel darba, is-suċċess ta’ pajjiżna mhux se jibqa’ jitkejjel biss bil-kejl ekonomiku tradizzjonali iżda qed jiġi introdott kejl ġdid li jqis it-titjib fil-benessere ta’ pajjiżna.
Din il-konferenza għalhekk, qed issir fl-isfond ta’ bidu tat-twettieq dan dan il-manifest elettorali li tfassal u ġie propost mill-Partit Laburista. Manifest li huwa rabta bejn il-gvern Laburista u l-poplu Malti li reġa’ ta l-fiducja lill-Partit Laburista biex imexxi lil pajjiżna u jwettaq dak propost fil-manifest elettorali.
Ko-ordinazzjoni essenzjali
It-twettieq tal-manifest elettorali fiż-żmien li ġej u l-ħidma meħtieġa biex il-gvern jiffaċċja u jegħleb l-isfidi li ta’ pajjiżna tal-lum u t’għada jeħtieġu ħidma ko-ordinata bejn il-ministeri u l-entitajiet li jiffurmaw il-gvern. Huwa essenzjali li kull parti tal-manifest, kif sar fl-aħħar snin, tkun assenjata b’mod ċar lil ministeru li se jkun responsabbli mit-twettieq. Imma l-aqwa riżultati jinkisbu meta sseħħ ħidma b’kordinazzjoni ibbażata fuq prioritajiet li jridu jintlaħqu minn żmien għal żmien.
Iż-żmien li servejt bħala Ministru responsabbli mit-twettieq tal-manisfest kien esperjenza mill-aktar interessanti li fih kont regolarment niltaqa’ mal-ministeri, entitajiet biex nieħdu rendikont kontinwu tal-progress li kien qed jiġi resġistrat. Bl-għajnuna ta’ uffiċjali mill-ministeru flimkien ma’ uffiċjali tal-Uffiċju tal-Prim Ministru, regolarment konna naraw fejn qed jiġi reġistrat progress u fejn kien hemm diffikultajiet jew ir-riżultati ma kienux qed jaslu bir-rata mixtieqa, kien isir eżercizzju biex jiġi identifikat dak li qed jkun qed iżomm lura jew dak li huwa meħtieġ isir biex it-twettieq iseħħ b’aktar ħeffa.
L-impenn politiku ta’ gvern Laburista fit-twettieq tal-manifest elettorali minn dejjem kien evidenti anke bil-ħatra ta’ Ministru responsabbli mit-twettieq tal-manifest. Il-Ministru Omar Farrugia huwa mgħobbi bl-impenn biex l-għanijiet tal-manifest jintlaħqu fiż-żmien li ġej.
Il-Partit għandu rwol f’dan kollu?
Filwaqt li l-gvern għandu s-setgħa u r-responsabiltà fit-twettieq tal-manifest, il-Partit Laburista jeħtieġ li jsaħħaħ l-impenn permezz tal-istruttura tiegħu f’ħidma politika meħtieġa ferm. Fil-fehma tiegħi, il-Partit Laburista jeħtieġ li jkollu strutturi aġġornati fid-dawl tal-iżvilluppi li seħħew u se jkomplu jseħħu fis-socjetà Maltija. Strutturi maħsuba biex isaħħu l-kuntatt bil-għan li jkompli jisma’ aktar, ifisser aktar u fuq kollox iservi bħala għassies fuq il-ħidma tal-gvern.
Il-membri tal-Kabinett u l-Grupp Parlamentari għandhom pjani individwali kif se jkunu qed jagħmlu l-kuntatt mal-elettorat fuq livell distrettwali u livell nazzjonali iżda l-Partit Laburista jeħtieġ li jkun il-mutur li jara li dan il-kuntatt iseħħ b’mod strutturat. Ħidma li tgħin biex jitqiesu aħjar ir-riżultati tal-gvern u kif qed jimpattaw lill-poplu Malti. Apparti dan il-Partit irid jibqa’ il-benniena tal-ideat politiċi l-ġodda. Għalhekk l-attività li toħloq diskussjoni fl-istrutturi tal-Partit Laburista hija essenzjali.
Fuq kollox, fil-fehma tiegħi, hemm bżonn li fil-Partit Laburista jissaħħu l-iniżjattivi ta’ taħriġ u ta’ formazzjoni politika. L-esperjenzi tul is-snin huma għajn ta’ informazzjoni, ta’ gwida u fuq kollox tgħin fl-analiżi ta’ kif il-Partit Laburista jista’ jkompli jagħmel l-affarijiet aħjar. L-iniżjattivi ta’ taħriġ iridu jkunu wkoll il-bieb miftuħ beraħ ta’ għarfien ta’ dak li pajjiżna irid jitħejja għaliħ fil-ġejjieni u fuq kollox liema huma s-soluzzjonijiet u l-inizjattivi li jeħtieġ li jtwettqu biex pajjiżna ikompli jagħmel suċċess.


