Iż-żminijiet jinbidlu u magħhom iġibu bidliet mandatorji fis-soċjetà, trid jew ma tridx. Dan juri illi jekk in-nies tal-lum, żgħażagħ u dawk ftit akbar fl-eta, mhux se jaħsbu biex ikunu n-nies ta’ għada, armati b’taħriġ u għarfien, mhux se jkunu kapaċi jlaħħqu mal-iżvilupp mgħaġġel li jġibu magħhom dawn il-bidliet. Għalhekk hemm il-ħtieġa għat-taħriġ u t-tagħlim għal tul il-ħajja.
It-tagħlim u t-taħriġ jibqgħu elementi kruċjali għall-iżvilupp kontinwu intellettwali u tal-personalita. Kruċjali wkoll għall-għarfien dejjem akbar tul il-vjaġġ tal-ħajja tal-persuna. Anki l-iżvilupp tal-persuna jiddependi fuq dan kollu. Għalhekk it-tifsira ta’ dan imur lil hinn mill-bankijiet tal-iskola u l-edukazzjoni formali. It-titjib u l-iżvilupp tal-ħiliet jibqgħu l-elementi mill-aktar essenzjali għal kwalita ta’ ħajja aħjar, ekonomikament u soċjalment.
It-taħriġ huwa importanti għax jiswa lill-ħaddiem mhux biss biex jibqa’ fid-dinja tax-xogħol imma wkoll ikun kapaċi jagħraf il-perikli li jista’ jaffaċċja għal ħajtu u saħħtu fuq il-post tax-xogħol fejn jaħdem huwa stess. U għalhekk in-narrativa llum qed iddur fuq il-kunċett ta’ re-skilling u upskilling tal-ħaddiem lokali jew barrani.
Dan sabiex pajjiżna jkompli jiggarantixxi li l-ħaddiema tagħna jkunu adattati għal realtajiet ġodda billi jtejbu l-esperjenzi li diġà għandhom kif ukoll dawk li għad iridu jiffaċċjaw meta l-ekonomiji qed jittraformaw ruħhom u aktar u aktar qed isiru diġitali u jitbiegħdu mill-modi tradizzjonali li konna mdorrijin bihom.
Innutajna dan l-aħħar li l-Ministeru għall-Edukazjoni u l-Isport nieda l-Prospett għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2026/2027, fejn se jiġu offruti aktar minn 450 kors li se joffru opportunitajiet ta’ tagħlim u żvilupp tal-ħiliet għal eluf ta’ żgħażagħ u adulti.
B’dan, il-Gvern mhux biss qed jidher li jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja imma f’din id-direzzjoni qed ikompli jinvesti f’opportunitajiet ta’ tagħlim li jagħtu lill-individwi l-għodod meħtieġa biex jikbru intelletwalment, jadattaw u jirnexxu.
Ma rridux ninsew lanqas illi l-Gvern qiegħed jaħseb ukoll f’dawk li jkunu qabżu s-60 sena li jkunu jixtiequ jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. U għalhekk bl-inċentivi li jniedi minn żmien għal żmien, dik l-esperjenza li għandhom dawn il-persuni ma tintilifx.
U f’dan il-kuntest, sabiex it-tagħlim jibqa’ aċċessibbli għal kulħadd, persuni li għandhom 60 sena jew aktar se jkunu intitolati għal kors wieħed bla ħlas kull sena, filwaqt li japplikaw ukoll eżenzjonijiet mill-ħlas għal persuni li jirċievu benefiċċċji soċjali u detenturi tal-Karta tad-Diżabilità.
Fuq kollox iżda nemmnu li kull taħriġ m’għandux biss ikun imħares mil-lenti ekonomika imma wkoll mill-iżvilupp tal-personalità tal-istess ħaddiem. Dan iwassal għal aktar kuntentizza u produttività fuq il-post tax-xogħol.


