Wednesday, July 1, 2026

90% tal-Maltin kuntenti bil-kwalità tal-ħajja tagħhom- stħarriġ tal-Ewrobarometru

Aqra wkoll

Il-Maltin huma fost l-aktar sodisfatti bil-kwalità tal-ħajja tagħhom, minn fost iċ-ċittadini tas-27 pajjiż li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea. Tant li 90% tal-Maltin qalu li huma sodisfatti bil-livell tal-kwalità tal-ħajja li qed jgħixu. 

Dan jirriżulta mill-Istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew għar-Rebbiegħa 2026, li sar bejn id-9 ta’ April 2026 u t-3 ta’ Mejju 2026 fost 505 Maltin li ġew intervistati u li għandhom 15-il sena jew aktar. 

Meta ċ-ċittadini Maltin kienu mistoqsija f’liema oqsma l-bidliet jistgħu jtejbu l-aktar il-kwalità tal-ħajja tagħhom, 46% wieġbu s-saħħa fiżika u mentali, 37% is-sitwazzjoni finanzjarja u l-kapaċità li wieħed jaffordja l-ħajja ta’ kuljum, 34% il-ħajja soċjali u 31% il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Mistoqsija dwar l-aspetti li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuqhom biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja, 36% tal-Maltin wieġbu d-difiża u s-sigurtà, 25% l-indipendenza enerġetika, ir-riżorsi u l-infrastrutturi u 25% wieġbu l-kompetittività, l-ekonomija u l-industrija. 

L-aktar suġġetti li ċ-ċittadini Maltin jixtiequ jaraw li jiġu indirizzati bi prijorità mill-Parlament Ewropew huma l-inflazzjoni, il-prezzijiet li qed jogħlew u l-għoli tal-ħajja kif ukoll is-saħħa pubblika u l-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi. 

Sadanittant 73% tal-Maltin huma pjuttost ottimisti dwar il-futur ta’ pajjiżna filwaqt li 84% jemmnu li fil-futur, ir-rwol tal-Unjoni Ewropea biex tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej kontra kriżijiet globali u riskji għas-sigurtà għandu jsir aktar importanti. Meta wieħed iqis kollox, 94% tal-Maltin iddikjaraw li jaħsbu li pajjiżna bbenefika milli jkun membru tal-UE. 

Dwar il-valuri li l-Parlament Ewropew għandu jiddefendi bħala prijorità, il-Maltin poġġew l-ewwel il-valur tal-paċi segwiti mis-saltna tad-dritt u d-demokrazija. Fl-istess waqt, 97% tal-Maltin jemmnu li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu aktar magħqudin biex jiffaċċjaw l-isfidi globali attwali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport