“Il-konnettività qiegħda tħalli l-effetti pożittivi tagħha fuq Għawdex u dan inħass b’mod tajjeb ħafna fl-ewwel long weekend tas-Sajf.”
Hekk stqarr ma’ dan il-ġurnal Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GRA) meta mitlub jikkummenta dwar l-andament turistiku fil-gżira Għawdxija fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Jgħid li meta jkun hemm long weekend is-settur turistiku f’Għawdex dejjem igawdi. “Fejn is-soltu persuni jorqdu żewġt iljieli jagħmlu tlitt iljieli,” jgħidilna Muscat.
Jirrimarka li dan kien l-ewwel long weekend għal Għawdex li kellu tliet tipi ta’ konnettività. Il-Gozo Channel, il-fast ferry bejn Għawdex u l-Belt Valletta u l-fast ferry fejn Għawdex u Bugibba u Tas-Sliema.
“Jien min-Nadur u kont il-festa. Din is-sena rajt ħafna turisti… Mhux qiegħed nirreferi għal Maltin li jiġu Għawdex, iżda turisti li jiġu minn pajjiżi diversi. Il-festa kienet tinħass li kellha ammont akbar mis-soltu ta’ turisti,” jistqarr magħna Muscat.
Jgħid li wieħed għad irid jara l-figuri biex naraw jekk dawn it-turisti marrux Għawdex għal ftit sigħat jew inkella għamlu lejl jew aktar, “iżda li hu żgur li kien hemm żieda u dan jinħass mal-gżira kollha u jgawdu minnu kulħadd.”
Muscat jgħid li l-konnettività qiegħda tgħin ħafna lit-turiżmu f’Għawdex għalkemm forsi l-istess turisti jmorru Għawdex għal ftit sigħat biss.
“Meta inti ttejjeb il-konnettività allura qiegħed ittejjeb is-suq turistiku. Din hija xi ħaġa li ilha ngħidu snin twal. Ma jfissirx li ma hemm żvantaġġi meta żżid il-konnettività u din tinħass mad-dinja kollha…
“Meta żżid it-titjiriet hemm tendenzi li turist minflok jorqod f’pajjiż disat iljieli jagħmel tlitt iljieli. Ħafna qegħdin jagħmlu brejks qosra u aktar frekwenti, milli brejk wieħed fis-sena…” jinnota Joe Muscat.
Iżda jkompli jgħid li dak li ilha tgħid il-GTA li t-turist mhux qiegħed ifittex biss attrazzjonijiet turistiċi fil-pajjiż iżda qed ifittex li jgħix il-kultura tal-post, dan l-ewwel long weekend kien ta’ eżempju ċar.
“F’Għawdex għandna kultura b’saħħitha ħafna. Il-festi huma eżempju ċar ta’ dan. Permezz tal-konnettività li dejjem qiegħda titjieb ħafna turisti kellhom ix-xorti li jattendu għall-festa tal-Imnarja f’Għawdex u jesperjenzaw xi ħaġa differenti – il-festa – u jaraw kif jiċċelebrraw in-nies ta’ dak ir-raħal partikolari,” itemm jgħid Joe Muscat filwaqt li jostni li Għawdex għandu jibqa’ jiġi rreklamat bħala dik il-gżira li toffri xi ħaġa ‘extra’ minn Malta.


