Is-Sur Leonid McKay se jinħatar bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta. Is-Sur McKay se jibda l-inkarigu tiegħu b’seħħ minn nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju 2026. Huwa se jkun qed jinħatar f’dan l-irwol wara li s-Sur Kurt Farrugia se jkun qed iservi f’kariga oħra ta’ tmexxija ta’ aġenzija tal-Gvern.
Is-Sur McKay għandu esperjenza ta’ tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi u ħadem għal snin twal fis-settur soċjali. Fuq livell governattiv, fl-2018 huwa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fejn ħadem biex saħħaħ is-servizzi mogħtija, filwaqt li tnedew numru ta’ skemi ġodda u bdew jitħaddmu riformi li kienu ilhom mistennija snin. B’mod partikulari tellaq proġetti kapitali fil-bini ta’ housing soċjali u riformi fil-liġijiet tal-kera li taw assistenza lil eluf ta persuni.
Fl-2022 kien nħatar bħala Chairman Eżekuttiv tal-ARUC, entita regolatorja bl-skop li tipprovdi qafas regolatorjau għal-użu responsabbli tal-kannabis. Fl-2024 serva wkoll bħala Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus fejn nieda il-pjan sabiex tinbena il-Labour Migration Policy.
McKay gradwa fis-Soċjoloġija u fil-politika soċjali f’livell ta’ Masters. Hu kien involut fl-attiviżmu soċjali. Ħadem għal tnax-il sena fi ħdan is-servizzi differenti ta’ Caritas Malta qabel ma nħatar Direttur fl-2014.
Fiż-żmien li ġej ser tkompli l-implimentazzjoni tal-pjan għat-trasport tal-massa integrat ‘Malta in Motion’, li se tkun qed titmexxa mill-Avukat Stephanie Bonello.
L-Avukat Stephanie Bonello gradwat mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fil-Liġi (bl-Unuri) fl-2017 u sussegwentement kisbet Masters fl-Avukatura fl-2018. Hija għandha aktar minn disa’ snin esperjenza fis-settur pubbliku u matul il-karriera tagħha okkupat diversi karigi fi ħdan Ministeri differenti fejn kienet parti minn riformi importanti fil-qasam tal-akkomodazzjoni affordabbli. Minn Jannar tal-2024 serviet bħala l-Kap tas-Segretarjat fil-Ministeru responsabbli mill-mobbiltà u ħadmet mill-qrib fuq il-pjan Malta in Motion.
Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett irringrazzja lil Kurt Farrugia tas-servizz u l-impenn tiegħu u awgura lil Leonid McKay u Stephanie Bonello. Il-Ministru sostna li qed iħares ’il quddiem lejn l-implimentazzjoni ta’ bidliet strateġiċi fil-qasam tal-mobbiltà sostenibbli f’pajjiżna, b’mod ewlieni l-pjan ‘Malta in Motion’. Dan filwaqt li nkomplu nikkonsolidaw is-suċċess fl-oqsma tal-avjazzjoni u l-marittimu.

