Wednesday, April 24, 2024

16-il fatalità tat-traffiku fl-2023

Aqra wkoll

In-numru ta’ fatalitajiet tat-traffiku matul is-sena li għaddiet kien dak ta’ 16, li jfisser 12-il inċident fatali inqas meta mqabbel mas-sena 2022. 

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fl-2023, it-total ta’ inċidenti rrapportati li fihom kien hemm persuni li ndarbu kienu jammontaw għal 1,390, żieda ta’ 49 inċident jew 3.7%, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. 

Barra minn hekk, kien hemm 15,042 inċident li fihom ma weġġgħux persuni – żieda ta’ 652 każ jew 4.5% fuq l-inċidenti rrapportati fis-sena 2022. 

Fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet kien irreġistrat l-ogħla għadd ta’ inċidenti (4,351) filwaqt li fir-raba’ kwart tal-2023 seħħew l-akbar ammont ta’ fatalitajiet (7). 

Ċifri oħra juru kif matul ir-raba’ kwart tal-2023, l-inċidenti tat-traffiku u l-persuni midrubin fihom żdiedu meta mqabblin mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Bejn Ottubru u Diċembru 2023, ġew irrapportati 3,977 inċident, li tfisser żieda ta’ 4.2% fuq l-istess perjodu tal-2022.

L-akbar numru ta’ inċidenti seħħew fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port, b’1,432 każ jew 36% tal-inċidenti kollha f’dan il-perjodu. Il-persuni li weġġgħu f’dawn l-inċidenti żdiedu bi 12.1%, biex ammontaw għal 427.

L-akbar għadd ta’ persuni midruba gravi kienu rġiel (79.1%). Dan filwaqt li l-persuni li tilfu ħajjithom f’dan il-perjodu kienu ħamest irġiel u żewġ nisa. 

Sport