Tuesday, April 30, 2024

163 każ pendenti fil-Qorti tal-Minorenni

Aqra wkoll

Sal-aħħar t’April 2023, l-għadd ta’ każi pendenti quddiem il-Qorti tal-Minorenni kienu jammontaw għal 163.

Iddikjara dan il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fi tweġiba għall-mistoqsija li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ. Il-Ministru Attard kien mistoqsi dwar liema reati tressqu tfal taħt it-18-il sena quddiem il-Qorti tal-Minorenni fis-snin 2020, 2021 u 2022.

Mit-tweġiba li huwa ta, jirriżulta li kien hemm numru ta’ offiżi fis-sewqan tal-vetturi u l-e-scooters, attivitajiet sesswali ma’ persuni taħt l-età u użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.

Akkużi oħra kienu dwar ksur tal-buon ordni, ħsara volontarja fuq propjetà jew vetturi, ikkaġunar ta’ ġrieħi gravi, pussess ta’ armi irregolari, serq, kif ukoll offiżi ta’ natura ħafifa.

… fost dawk misjuba ħatja kien hemm min inqabad isuq bla liċenzja u b’mod perikoluż

Fl-2022 kien hemm żewġ persuni, fost oħrajn, li nstabu ħatja ta’ theddid bil-kliem, li taw fastidju, u li użaw b’mod mhux xiereq apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u ngħataw sentenza sospiża. F’każ ieħor, persuna nstabet ħatja li pparteċipat f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età u tpoġġa taħt ordni ta’ probation.

Fl-2022 kien hemm mill-inqas żewġ persuni li ngħataw libertà kkundizzjonata wara li nstabu ħatja illi kommettew sewqan ta’ ċikletta taħt l-età jew b’nuqqas ta’ dokument tal-identifikazzjoni validu u li l-istess ċikletta ma kinitx reġistrata biex tinstaq fi triq pubblika, li ċ-ċikletta misjuqa ma kinitx mgħammra b’numru ta’ identifikazzjoni mbollat fuq il-qafas tal-mutur, kif ukoll li ċ-ċikletta ma kinitx mgħammra bi pjanċa mwaħħla sew.

Barra minn hekk, wieħed minnhom, apparti dawn ir-reati nstab ħati wkoll li saq iċ-ċikletta mingħajr ma kien liebes elmu magħmul minn materjal li jirreżisti d-daqqiet, filwaqt li l-persuna l-oħra mal-ewwel erba’ reati nstabet ħatja wkoll saqet ċikletta li ma kinitx mgħammra b’sistema effettiva ta’ brejk.

Fl-istess waqt, b’rabta ma’ dan, fl-2021 kien hemm persuna oħra li nstabet ħatja ta’ numru ta’ reati fir-rigward tas-sewqan u weħlet €50 multa: i) sewqan ta’ ċikletta mhux reġistrata fi triq pubblika, ii) sewqan ta’ ċikletta mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għat-terzi persuni, iii) sewqan ta’ ċikletta taħt l-età jew b’nuqqas ta’ dokument tal-identifikazzjoni validu, iv) sewqan ta’ ċikletta taħt li mhux mgħammra bi pjanċa mwaħħla sew, v) sewqan ta’ ċikletta li mhux mgħammra b’qanpiena jew horn li jiffunzjonaw, vi) sewqan ta’ ċikletta li ma kinitx turi dawl abjad fuq in-naħa ta’ quddiem, vii) sewqan ta’ ċikletta fid-dlam meta din ma kinitx turi dawl aħmar fuq in-naħa ta’ wara, viii) sewqan ta’ ċikletta fid-dlam meta din ma kinitx turi rifletturi aħmar fuq in-naħa ta’ wara, vix) sewqan ta’ ċikletta fid-dlam mingħajr ma liebes strippi li jirriflettu.

Fl-2021 kien hemm ukoll minn tal-inqas persuna waħda li ngħatat probation u multa ta’ €200 wara li nstabet ħatja ta’ sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u li sussugwentement ma kinitx koperta b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni, kif ukoll ta’ sewqan b’mod traskurat fejn saħansitra naqset milli tagħti dritta lil traffiku ieħor fejn hemm sinjal tat-traffiku li jindika ‘GIVE WAY’.

Sport