Saturday, March 1, 2025

18-il xahar ħabs fuq serq ta’ ġiżirana minn fuq bidwi wara li rrifjuta li jagħtiha €8

Aqra wkoll

Josianne Grech ta’ 39 sena residenti Birkirkara ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs wara li nstabet ħatja li serqet ġiżirana minn fuq bidwi wara li hu rrifjuta li jagħtiha €8.

Il-prosekuzzjoni qalet li Grech hija dipendenti fuq id-droga u sal-lum għadha taħt dan il-vizzju. Dan ir-reat kien twettaq fit-8 ta’ Lulju tal-2021 għall-ħabta tal-3.50pm meta l-bidwi kien qiegħed bil-vann ibiegħ il-ħaxix f’Birkirikara.

Fix-xhieda tiegħu l-bidwi qal li waqt li kien qiegħed bil-vann kienet għaddiet l-akkużata bil-karozza u waqafet. Hija kienet għajtitlu u x’ħin staqsiha x’għandha bżonn talbitu €8.

Il-bidwi kompla jgħid li hu kien bil-vann tal-ħaxix u dak il-ħin kien qiegħed jaqdi xi klijenti. Kien hawn li l-mara niżlet mill-karozza u pprovat tiftaħlu l-cash register u meta qalilha li ma kellux flus bdiet tfittixlu fil-but.

X’ħin rat li ma setetx tieħu l-flus li ridet ħatfitlu l-ġiżirana. Hu kompla jixhed li hu żammilha idejha t-tnejn iżda ma ħassux komdu minħabba li dak kien żmien il-pandemija u l-mara ma kientx libsa maskla. Kien għalhekk li hu qalla biex teħodha, iżda wara mill-ewwel kien ċempel lill-pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, il-bidwi qal li kien jafha lil Josianne Grech. Xehed li hi kienet ilha tgħix Birkrikara sa minn meta kienet tifla u jiftakar sew li kien jieqaf bil-vann tal-ħaxix fit-triq fejn hija residenti.

L-akkużata għażlet li ma tagħtix ix-xhieda tagħha f’dawn il-proċeduri. Il-Prosekuzzjoni qalet li meta kienu tkellmu mal-mara kienet qaltilhom li kienet tafu lill-bidwi u kemm-il darba marret titlobu l-flus u dejjem tagħtu l-flus lura.

Kienet qalet lill-pulizija wkoll li hu beda jwaqqagħha għaċ-ċajt quddiem il-klijenti tiegħu u sostniet li ħin minnhom tbaxxa biex jagħlaq kexxun, il-ġiżirana ħabtet mal-cash register u ħatfithielu.

L-akkużata allegat li meta kien jagħtiha €10 kien jitloba tikxiflu sidirha jew ikollu x’jaqsam sesswalment magħha. Il-Prosekuzzjoni qalet li meta ġiet mistoqsija x’għamlet bil-giżirana hi qalet li kienet begħetha lil raġel li taha €30 iżda ma tafx min hu.

Il-Maġistrat Montebello wara li semgħet il-każ sabet lill-mara ħajta tal-akkużi kontriha. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha kkunsidrat li dak li wettqet l-akkużat kien biex ikollha l-flus biex tixtri d-droga. Ġie nnutat ukoll li dan ma kienx l-ewwel każ tal-akkużata tant li fuq il-kondotta għandha diversi reati li kienet wettqet.

Il-Qorti nnutat ukoll li fl-ebda ħin ma tressqet prova waħda li l-mara kienet qiegħda tipprova tindirizza u tiġġieled il-vizzju tad-droga.

Kien għalhekk li hija ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs u ordnatilha tagħti €150 lill-bidwi u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-bidwi għall-perjodu ta’ tliet snin.

L-Ispettur Roxanne Tabone mexxiet il-prosekuzzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport