Meta lbieraħ ġie fi tmiemu l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, FC Porto kisbu rebħa drammatika meta fil-ħin miżjud għelbu lil Arsenal bl-iskor ta’ 1-0.
FC Porto……….. 1
Arsenal………… 0
F’konfront monotonu, FC Porto rreġistraw rebħa ta’ 1-0 fuq Arsenal proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita.
Din il-partita ma pproduċiet l-ebda emozzjoni hekk kif iż-żewġ settijiet ta’ players bdew jannullaw lil xulxin biex iż-żewġ goalkeepers rari kienu mpenjati.
Peró, fil-21 minuta, fl- ewwel attakk denju Porto kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta Wenderson Galeno ġie mċaħħad mil-lasta u mir-rebound l- istess player falla l-mira bi ftit.
Iżda wara din l-azzjoni, il-partita baqgħet ‘magħluqa’ u bħal donnhom iż-żewġ timijiet kienu kuntenti bi draw … sakemm fl-94 minuta, Galeno skorja l-uniku goal tal-partita biex issa l-pressjoni tinsab kollha fuq it-team Ingliż.
Napoli………….. 1
Barcelona…….. 1
Napoli u Barcelona spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’logħba pjaċevoli bir-riżultat seta’ mar kull naħa.
Barcelona bdew tajjeb u ddettaw għal ħinijiet twal iżda b’mod gradwali n-Naplitani kibru fl-istatura u bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji.
L-ewwel ċans tal-partita wasal wara biss sitt minuti mill-player ta’ 16-il sena ta’ Barcelona, Lamine Yamal, meta rċieva mingħand Ilkay Gundogan fil-kaxxa iżda x-xutt imdawwar tiegħu għadda ftit għoli.
Fit-tieni taqsima, Barca ħarġu fuq l-offensiva u fis-60 minuta fetħu l-iskor mill-attakkant Pollakk, Robert Lewandowski, b’xutt fil-baxx.
Iżda, il-Partenopei għamlu reazzjoni u kisbu d-draw mill-attakkant Niġerjan, Victor Osimhen (75), meta ħarab lid-difensur dirett tiegħu … sab l-ispazju u xeħet fix-xibka.