Sunday, December 22, 2024

20 nutara ġodda ngħataw l-warrant

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippreżenta l-warrant lil 20 nutara ġodda wara li dawn urew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni notarili

“Fl-aħħar snin, il-professjoni tan-nutara mhux biss żdiedet fl-importanza tagħha, iżda wkoll żdiedet ir-responsabilità li se tkunu qed iġorru tul ħajjitkom fis-servizz li se tkunu qegħdin tagħtu. Fil-fatt, din il-professjoni, illum teħtieġ preparazzjoni akkademika, ġuridika u fiskali tajba ħafna,” tenna l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard spjega l-ħidma li qed issir fuq il-proċess tad-diġitalizzazjoni li għaddej b’ritmu tajjeb, fejn permezz tal-iscanning qed jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-dokumenti u l-kuntratti biex b’hekk il-professjoni qed titressaq aktar viċin tan-nies. Innota li din il-ħidma kienet apprezzata wkoll mill-pubbliku fl-EXPO mtella’ l-ġimgħa li għaddiet mis-Servizz Pubbliku fi stand li kellu l-Ministeru. Huwa rrefera wkoll għad-djalogu tajjeb li hemm mal-Kunsill Notarili, bil-għan li jitkompla it-tisħiħ tal-professjoni, kemm minn aspett infrastrutturali kif ukoll mill-att leġiżlattiv.

In-Nutar tal-Gvern Dr Keith German innota li fil-preżent hawn 495 nutar u li 63 fil-mija tagħhom huma nisa. Huwa saħaq li l-ħtieġa li persuna tirrikorri għand nutar qiegħda ssir aktar importanti u għalhekk dawn in-nutara ġodda jawguraw tajjeb għad-domanda li qiegħda dejjem tiżdied biex anke tiżdied l-effiċjenza fis-servizz.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Johan Galea, l-Avukat Ġenerali  Dr Victoria Buttigieg u l-President tal-Kunsill Notarili Dr Roland Wadge.

Ekonomija

Sport