Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?
L-imħabba tiegħi lejn l-OCR bdiet wara li kelli t-tfal, meta bdejt immur nittrenja mal-Fitmums Malta Club immexxi mill-kowċ tiegħi Sandra Borg. Jiena dejjem kont inħobb l-isport u nieħu gost nissfida lili nnifsi.
Meta skoprejt l-OCR, mill-ewwel ġibidli l-attenzjoni minħabba l-ġiri, is-saħħa u r-reżiljenza mentali, speċjalment għax huwa sport fejn l-ostakli jinbidlu ta’ spiss u dan jagħmlu ħafna iktar eċċitanti. Is-sens ta’ sodisfazzjon wara li jirnexxilek tghaddi ostaklu u l-limiti tiegħek żammni nerġa’ lura, u maż-żmien saret xi ħaġa li tassew inħobb.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Sa issa, l-akbar suċċessi tiegħi fl-OCR jinkludu li rbaħt l-OCR National League fl-2025, kif ukoll li spiċċajt fit-tielet post fil-Grid Elite League fl-istess sena. Barra minn hekk, kelli l-opportunità sabiħa li nirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati tad-Dinja fl-2023, u fil-Kampjonati Ewropej fl-2024 u l-2025. Dal-weekend ukoll lestejt it-tielet Spartan Trifecta tiegħi, din id-darba f’Orte, fejn irnexxieli niġi fl-ewwel post fil-kategorija tal-età tiegħi fit-tellieqa Beast.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-OCR f’pajjiżna bħalissa huwa wieħed interessanti. Għalkemm jidher li l-parteċipazzjoni fost l-adulti qed tonqos, speċjalment fin-nisa, xorta għandna ħafna atleti żgħażagħ li huma dedikati u jitħarrġu b’mod serju fil-klabbs tagħhom biex jiksbu riżultati mill-aqwa kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffċjali tagħkom?
Normalment, nitħarreġ fil-klabb tiegħi, Fitmums Malta, fejn wieħed isib għażla ta’ diversi ostakli u grips differenti għat-taħriġ. Barra minn hekk, hawn żewġ faċilitajiet oħra lokali, The Club u The Obstacle Course Academy, fejn ukoll issib varjetà ta’ ostakli biex titħarreġ fuqhom għal kull tip ta’ tellieqa fl-OCR.
Dawn il-klabbs jorganizzaw ukoll kompetizzjonijiet regolarment u jagħtuna l-opportunità bħala atleti biex nitħarrġu u nikkompetu fuq livell lokali. Fl-istess ħin, wieħed mill-aspetti li jista’ jkompli jtejjeb l-isport huwa żieda fil-finanzjament għall-faċilitajiet u l-kompetizzjonijiet, kif ukoll aktar sponsorships biex jiġu appoġġjati l-atleti u l-iżvilupp tal-OCR f’pajjiżna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?
Verament nixtieq inkompli nittrenja u ntejjeb f’dan l-isport, l-ewwel nett għas-sodisfazzjon tiegħi, kif ukoll sabiex inkun nista’ nkompli nikkompeti f’Malta u nirrappreżenta lill-pajjiż f’kompetizzjonijiet barra minn Malta, bħall-OCR European u World Championships.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR.
Il-parir tiegħi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-OCR huwa li jiddedika ħin għat-taħriġ, ma jaqtax qalbu meta jsib diffikultajiet u ma jibżax jipprova affarijiet ġodda. Importanti wkoll li jibqa’ jitgħallem minn kull tellieqa u ma jibżax ifalli, għax kull falliment huwa parti mill-progress.
Iddawwar lilek innifsek ma’ nies li jaħsbuha bħalek u li jinkoraġġuk biex tibqa’ għaddej u tkompli ttejjeb. Fl-aħħar mill-aħħar, żomm il-passjoni ħajja u dejjem issib sodisfazzjon u gost fit-taħriġ tiegħek.


