Somalu ta’ 44 sena ntbagħat 27 xahar priġunerija wara li nstab ħati li darab gravi ieħor b’sikkina f’Ħal Luqa.
Il-każ seħħ fit-22 ta’ Diċembru tal-2023, għall-ħabta tas-7.20 p.m., f’appartament fi Triq il-Ġdida.
Mustafa Duale Abokor kien mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel ieħor bi strument li jaqta’ u bil-ponta u li żammu kontra l-volontà tiegħu.
Fil-Qorti, Abokor wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkonferma l-ammissjoni tiegħu anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Astrid May Grima sabitu ħati u kkundannatu piena ta’ 27 xahar priġunerija effettiva.
Il-Qorti rabtet lil Abokor b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena minn dakinhar li jiskonta s-sentenza u dan billi ma jimmolestax, ma jdejjaqx u ma jinġurjax lill-parte civile. Huwa ġie ordnat iħallas €1,380 fi spejjeż tal-Qorti filwaqt li s-sikkina li ġiet użata fl-argument kienet ikkonfiskata.