Il-Parlament Ewropew approva leġiżlazzjoni ġdida mmirata biex issaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ regoli dwar is-sajd li jkunu ġew miftiehma fuq livell internazzjonali, tipproteġi l-ekosistemi tal-baħar u tiżgura kundizzjonijiet aktar ġusti bejn is-sajjieda Ewropej u l-bastimenti minn pajjiżi terzi.
Il-leġiżlazzjoni, immexxija fil-Parlament Ewropew mill-MEP tal-Partit Laburista Thomas Bajada bħala Rapporteur, tinkorpora fil-liġi tal-UE miżuri ta’ konservazzjoni u kontrolli maqbula bejn l-2018 u l-2024 minn sitt Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs).
L-RFMOs għandhom irwol ċentrali fil-ġestjoni internazzjonali tal-kwantitajiet tal-ħut kondiviżi u sabiex jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni u kontroll għall-bastimenti li joperaw lil hinn mill-ilmijiet nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni li għadha kif ġiet approvata ssaħħaħ ukoll il-ħtieġa li miżuri futuri miftiehma fuq livell internazzjonali jiġu trasposti fil-liġi tal-UE fil-ħin, biex is-sajjieda jkollhom aktar kjarezza u jiġu evitati dewmien bla bżonn.
Għal Bajada, madankollu, ir-regoli komuni jistgħu jaħdmu biss meta jkunu akkumpanjati minn infurzar effettiv.
“Illum il-Parlament bagħat messaġġ ċar: jekk nistennew li s-sajjieda tagħna jirrispettaw ir-regoli, allura dawk l-istess regoli għandhom japplikaw għal kull min qed jistad magħhom.”
Bajada saħaq li s-sajjieda Ewropej m’għandhomx jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn jirrispettaw obbligi ta’ konservazzjoni dejjem aktar stretti, filwaqt li bastimenti minn pajjiżi terzi jitħallew joperaw mingħajr l-istess livell ta’ skrutinju.
“Regola li teżisti biss fuq il-karta ma tipproteġix lis-sajjied li jkun waħdu fuq il-baħar. Il-protezzjoni mill-Ewropa trid tkun viżibbli. Trid tinħass. U trid tfisser li meta xi ħadd jikser ir-regoli, l-Ewropa tkun kapaċi taġixxi.”
Waqt id-diskors tiegħu qabel il-vot, Bajada appella għal sorveljanza aktar b’saħħitha fuq il-baħar, permezz ta’ investiment f’teknoloġija moderna ta’ monitoraġġ u l-użu permanenti ta’ drones għall-kontroll tas-sajd. Dan jiżgura li l-bastimenti, inklużi dawk ġejjin minn pajjiżi terzi, ikunu jistgħu jinqabdu waqt li jkunu qed iwettqu sajd illegali, qabel ma jkunu jistgħu jaħarbu. Huwa appella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni aktar b’saħħitha fi ħdan il-qafas internazzjonali kontra pajjiżi u bastimenti li b’mod persistenti jonqsu milli jirrispettaw ir-regoli miftiehma.
Bajada għamel ukoll is-simplifikazzjoni prijorità ewlenija matul in-negozjati, filwaqt li insista li s-sajjieda Ewropej għandhom ikunu jistgħu jifhmu b’mod ċar x’inhu mistenni minnhom.
“Is-sajjieda m’għandhomx għalfejn ikollhom bżonn avukat ħdejhom biex jifhmu l-obbligi tagħhom. Ir-regoli għandhom ikunu ċari, prattiċi u infurzabbli. Iżda l-Ewropa ma tistax tidher biss meta timmulta lis-sajjieda. Trid tkun hemm ukoll, preżenti f’nofs il-baħar, biex tiddefendi lil dawk li jirrispettaw ir-regoli.”
Bajada temm jgħid li l-vot jirrappreżenta kemm responsabbiltà ambjentali kif ukoll impenn lejn il-ġustizzja għall-komunità tas-sajjieda.
“Is-sajjieda tagħna jridu Ewropa li l-preżenza tagħha tinħass fuq il-baħar – billi tkun spalla ma’ spalla magħhom. Aħna m’aħniex hawn sempliċement biex nimponu liġijiet u multi fuqhom. Aħna qegħdin hawn biex niżguraw li s-sajjieda tagħna ma jitħallewx jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta waħedhom.”
L-Unjoni Ewropea bħalissa hija l-awtorita għal 18-il Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, li d-deċiżjonijiet tagħhom jistabbilixxu obbligi ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tas-sajd għall-membri tagħhom madwar id-dinja.
Il-ftehim interistituzzjonali nnegozjat minn Bajada bħala Rapporteur ġie approvat mill-Parlament Ewropew b’559 voti favur, 48 kontra u 62 astensjoni. Il-liġi l-ġdida issa trid tiġi ffirmata mill-Kunsill u mill-Parlament, qabel ma
tidħol fis-seħħ.
