Sunday, November 24, 2024

28 perit jirċievu l-warrant biex jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta l-warrant lil 28 perit li temmew il-kors ta’ studju tagħhom u għaddew mill-eżami tal-warrant biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.

Waqt li kien qed jindirizza lil dawk preżenti, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar li l-warrant mhuwiex biss għarfien ta’ ħila imma jġib miegħu responsabbiltà lejn is-soċjetà. “Ix-xogħol tagħkom mhuwiex limitat għall-obbligu u d-dover tagħkom fil-proġett li tkunu qed tmexxu, imma tridu żżommu f’moħħkom lin-nies tal-madwar u twettqu proġetti tal-ogħla livell”, sostna il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Huwa appella lill-periti biex filwaqt li jagħrfu jagħtu gwida u struzzjonijiet, jaraw li dawn jiġu segwiti u jaġixxu b’mod tempestiv meta jaraw li l-affarijiet mhux mixjin kif meħtieġ. Hawnhekk tenna “Is-sewwa jsir mhux biss għax twettqu l-affarijiet skont l-għarfien u l-ħila, imma tridu taċċertaw li dejjem tkunu etikament korretti. L-etika fix-xogħol hija dak li tiddistingwi l-professjonist.”

Fit-tmiem tad-diskors tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li pajjiżna qed jaħdem qatigħ biex jippremja l-kwalità u l-eċċellenza fis-settur tal-kostruzzjoni. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex hekk kif diversi periti rinomati fasslu l-binjiet storiċi ta’ pajjiżna tul iż-żminijiet, huma wkoll jimirħu biex ikunu protagonisti bil-ħiliet u t-talenti tagħhom.

Waqt iċ-ċerimonja tkellmu wkoll iċ-Chairperson tal-Bord tal-Warrant tal-Periti, Dr Frank Psaila u l-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Andre Pizzuto.

Sport