Wednesday, July 24, 2024

3 Miljun turist f’Malta fl-2023

- Rekord ta’ wasliet, iljieli mqattgħin u nfiq fuq l-2019

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet kienet waħda rekord għall-industrija tat-turiżmu f’Malta. Fil-fatt, fl-2023 żaru pajjiżna tliet miljun turist, li tfisser żieda ta’ 8.3% meta mqabbel mal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.

F’konferenza stampa li matulha tħabbru r-riżultati turistiċi għas-sena 2023, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif fi tliet snin irnexxielna naqbżu l-livelli ta’ qabel il-pandemija, sena qabel kien pjanat.

Il-Ministru Bartolo nnota wkoll li l-2023 kienet l-aqwa waħda f’dak li huma ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta u anke fl-infiq tagħhom f’pajjiżna. Huwa żied jenfasizza li dawn ir-riżultati jpoġġu responsabbiltà akbar fuq kulħadd, kemm bħala Gvern, pubbliku u anke s-settur privat.

“Irridu niżguraw li t-turisti jagħżlu lil Malta u Għawdex bħala d-destinazzjoni tagħhom. L-għan tagħna huwa ċar, li nattiraw aktar turisti ta’ kwalità,” qal il-Ministru Bartolo. 

Fi preżentazzjoni dettaljata, id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Leslie Vella spjega kif għall-ewwel darba l-Italja qabżet ir-Renju Unit bħala l-pajjiż li minnu ġew l-aktar turisti f’Malta. Qal ukoll li l-Italja, il-Polonja u Franza kienu s-swieq ewlenin li minnhom ġew irreġistrati l-akbar żidiet fit-turisti.

Spjega wkoll kif fl-2023, it-total ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti f’pajjiżna kien dak ta’ 20.2 miljun lejl, li tfisser żieda ta’ 5% fuq l-2019. Fis-sena ta’ qabel faqqgħet il-pandemija, it-total ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti kienu jammontaw għal 19.3 miljun lejl. 

Barra minn hekk, it-total ta’ nfiq mit-turisti f’pajjiżna s-sena li għaddiet kien dak ta’ €2.7 biljun, biex kienet irreġistrata żieda ta’ 20% fuq is-sena 2019. 

Is-Sur Vella qal ukoll li t-turiżmu internazzjonali rkupra 88% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija fl-2023, bl-Ewropa jirnexxielha tirkupra 96% fuq l-2019. Sadanittant, l-istimi inizjali għal din is-sena qed juru li t-turiżmu internazzjonali se jirkupra għalkollox il-livelli ta’ qabel il-pandemija, bi tkabbir mistenni ta’ 2%.

L-Ewropa mistennija li tkompli tibni fuq ir-riżultati miksuba, bit-turisti se jfittxu aktar valur tajjeb għal flushom u li jivvjaġġaw f’postijiet eqreb lejn darhom. Prattiki sostenibbli u adabbilità mistennija li jkollhom rwol akbar fl-għażla tal-konsumatur. 

Il-konferenza ta’ dalgħodu, li saret f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u miċ-Chairman tal-MTA Gavin Gulia. 

Fost dawk preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u s-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin. 

Ekonomija

Sport