Tuesday, December 24, 2024

32 immigrant ieħor rilokati lejn pajjiżi oħra

Aqra wkoll

Saret rilokazzjoni ta’ 32 immigrant ta’ nazzjonalitajiet varji li kienu waslu b’mod irregolari f’Malta. Dan bħala parti minn strateġija li tiffoka fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni.

B’hekk, s’a ‘issa, matul din is-sena se jkunu ġew rilokati 104 immigrant irregolari lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li dawk li t-talba għall-protezzjoni internazzjonali tagħhom tkun miċħuda qed jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini.

Ir-rilokazzjoni saret bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja, maħsub sabiex jitnaqqas il-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq pajjiżi tal-fruntiera.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fakkar li r-rilokazzjoni hija l-iktar mezz effettiv kif pajjiżi oħra Ewropej u l-Unjoni Ewropea jistgħu jnaqqsu l-piż tal-immigrazzjoni irregolari minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment fil-każ ta’ Malta, minħabba d-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħha. Permezz tal-istrateġija tagħha ta’ prevenzjoni, ritorn u rilokazzjoni, fl-ewwel nofs tal-2023 Malta rnexxielha tnaqqas il-wasliet u tirritorna u tirriloka l-istess ammont ta’ immigranti daqs kemm waslu mill-bidu tas-sena.

“Dan filwaqt li l-gvern qed ikompli jaħdem bis-sħiħ fuq prevenzjoni, inkluż b’koperazzjoni mal-Libja, sabiex tnaqqas il-possibbiltà ta’ mwiet u sussegwentement waslet għal tnaqqis konsiderevoli ta’ wasliet irregolari, u r-ritorn ta’ persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’Malta. Din il-ħidma qed tiġi riflessa fiċ-ċifri ta’ dawn l-aħħar sentejn fejn in-numri ta’ immigranti irregolari li ġew ritornati lejn pajjiżhom żdied filwaqt li n-numru ta’ wasliet naqas sostanzjalment,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

It-tħejjijiet għar-rilokazzjoni involvew l-assistenza ta’ bosta entitajiet fl-oqsma tas-sigurtà, kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) u l- Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA). Ir-rilokazzjoni hija ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, fosthom taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni, u Integrazzjoni (AMIF).

Ekonomija

Sport