Tuesday, December 24, 2024

35 membru ġdid fil-Korp tal-Pulizija

F’sena, 102 kuntistabbli ssieħbu fil-Korp

Aqra wkoll

Il-Korp tal-Pulizija laqa’ 35 membru ġdid, wara li temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati. B’hekk f’sena l-korp se jkun iġġedded b’102 kuntistabbli ġodda, filwaqt li bħalissa hemm 55 rekluta jagħmlu l-kors ta’ pulizija fl-Akkademja.

Waqt ċerimonja tal-ġurament, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri faħħar l-impenn tal-kuntistabblijiet il-ġodda li għażlu t-triq li jissieħbu fil-korp biex jagħtuh demm u enerġija ġdida billi jservu u jipproteġu lill-komunità.

“Ir-rwol tal-pulizija mhux biss huwa dak li jinforza l-liġi iżda li jiżgura s-sikurezza u l-benesseri ta’ kull persuna fil-komunità tagħna. Li tkun pulizija hija sejħa u li turu empatija, tifhmu u tieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jħallu impatt qawwi fuq ħajjet in-nies. Agħtu sehemkom fil-bidla pożittiva tal-korp u komplu kunu viċin in-nies biex ikollkom karriera twila u ta’ sodisfazzjon fil-korp tal-pulizija.”

Il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern qed ikompli jinvesti u jsostni lill-Korp tal-Pulizija, tant li fl-aħħar snin għamel revoluzzjoni fejn jidħlu drittijiet u kundizzjonijiet tal-pulizija. Semma l-iffirmar tal-ftehim settorjali li tejjeb il-kundizzjonijiet u drittijiet tal-pulizija. Saħħaħ il-pensjoni bi 23% għal min joffri sa 29 sena servizz u allowance addizzjonali sa’ massimu ta’ erba’ snin daqs il-ħlas ta’ sentejn paga għal min joffri aktar servizz lill-pajjiż u għan-nies. Iddaħħlet ukoll il-pensjoni lir-romol fl-eventwalità li membru tal-korp jkun nieqes fil-perjodu ta’ waqt li jkun fis-servizz u ta’ bejn l-età tal-irtirar statutorja.

Il-gvern, qal il-Ministru Camilleri, se jibqa’ jarma lill-korp bl-għodda li għandu bżonn biex jaħdem u daqstant ieħor se jibqa’ jtejjeb l-ambjent fejn jaħdmu.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal lill-kuntistabblijiet ġodda biex iħossuhom kburin u motivati, kif inhuma l-bqija tal-membri, fejn fi stħarriġ indipendenti intern, 90% qalu wkoll li huma kburin u motivati li jservu fil-Korp tal-Pulizija. Għalhekk, b’dan is-sentiment, il-kuntistabbli l-ġodda għandhom ikunu kburin jilbsu l-uniformi sabiex b’ħidmiethom jagħmlu ġieh lill-kollegi u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Is-Sur Gafà qal li l-Korp tal-Pulizija kompla jirreġistra riżultati pożittivi ferm, u “fil-fatt skont l-aħħar stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), 90% tal-poplu Malti u Għawdxi qal li għandu fiduċja fil-Pulizija u fil-ħidma professjonali li jwettaq. Dan kien imsaħħaħ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat ix-xahar li għadda, li kompla jikkonferma li l-Korp tal-Pulizija huwa bil-bosta l-aktar istituzzjoni fdata fil-pajjiż.”

Il-Kummissarju tal-Pulizija temm jgħid billi fakkar lill-kuntistabblijiet il-ġodda biex “dejjem poġġu lill-vittmi fiċ-ċentru tal-operat tagħhom. Araw li 24 siegħa kuljum tkunu denji tal-uniformi li nagħtu l-privileġġ li tilbsu llum għall-ewwel darba.”

Ekonomija

Sport