Tuesday, February 18, 2025

50 sena minn meta x-‘xandir nazzjonali’ sar tal-poplu

Aqra wkoll

Malta saret indipendenti f’Settembru tal-1964 imma madankollu ħafna mill-affarijiet essenzjali għal pajjiż indipendenti baqgħu f’idejn l-Ingliżi, fosthom ix-xandir. Kellhom jgħaddu 11-il sena mill-indipendenza biex ix-xandir nazzjonali sar tal-poplu. U taħsibx li sar kollox b’ingwanti tal-ħarir.

Bħalissa qed naqra l-ktieb KARMENU – il-verità, xejn anqas mill-verità pubblikazzjoni tal-SKS. Sensiela ta’ kitbiet minn diversi persuni li ħadmu fil-qrib, jew kienu jafu sewwa, lill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici. Fost il-kittieba hemm Dr Mario Vella, eks-President tal-Partit Laburista. Mario tratta fil-qosor kif ix-xandir għadda minn idejn l-Ingliżi għal kumpanija parastatali (TeleMalta) u s-sehem ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, allura konsulent legali tal-GWU. Nikkwota lil Mario Vella, kelma b’kelma:

Wara l-elezzjoni tal-1971 il-Gvern ta’ Mintoff kien għamilha ċara mill-bidu x’kienet il-politika tiegħu dwar ix-xandir, jiġifieri li dan kien se jiġi trasferit lis-settur pubbliku. Ix-xandir kien il-monopolju ta’ kumpanija Ingliża, ir-Rediffusion. In-negozjati bejn il-Gvern u r-Rediffusion bdew lejn l-aħħar tal-1973, imma sal-aħħar tal-1974 in-negozjati waqfu għax ma kien intlaħaq ebda ftehim bejn il-GWU u l-Management dwar il-benefiċċji terminali li kienu se jitħallsu lill-istaff meta l-kumpanija ttemm l-attivitajiet tagħha f’Malta.

Fl-14 ta’ Frar 1975 il-GWU ordnat sit-in strike fil-bini tar-Rediffusion u għal ftit jiem ir-radju u t-televixin ma xandrux. Ħamest ijiem wara, il-ħaddiema nfushom reġgħu bdew ix-xandiriet meta kienu għadhom fuq is-sit-in strike. Fl-24 ta’ Frar, il-Gvern daħħal Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu llegalizza l-azzjonijiet tal-ħaddiema tar-Rediffusion u l-MTV u ġie ffurmat Kunsill ta’ Emerġenza mill-ħaddiema taż-żewġ kumpaniji li fix-xahrejn ta’ wara ħa wkoll il-kontroll ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni importanti oħra. Dawn ma kinux jinkludu l-eks-Rediffusion, Malta Television u Radju Malta, bl-isem il-ġdid ta’ Xandir Malta mmexxija taħt korporazzjoni pubblika ġdida TeleMalta li ħadet ikoll il-kontroll tad-Dipartiment tat-Telefon u tal-Cable and Wireless.

Sal-31 ta’ Lulju, ir-responsabbiltajiet kollha għall-produzzjoni tal-programmi tneħħew mill-Awtorità tax-Xandir u l-ħaddiema u l-assi tekniċi kollha għaddew lil Xandir Malta, inkluż l-istazzjonijiet tagħha.

Ġuże’ Cassar (eks-Deputat Mexxej Laburista u eks-Deputat Prim Minustru) ifakkar li barra l-ħafna kawżi ta’ arbitraġġ li Karmenu mexxa b’abbiltà kbira f’isem il-GWU, “ta’ min isemmi…is-sehem sħiħ tiegħu sabiex il-kumpanija barranija tar-Rediffusion tispiċċa minn Malta u flokha ssir kumpanija parastatali Maltija u x-xandir isir tal-Maltin”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport