Friday, May 3, 2024

69 illegalità misjuba wara spezzjonijiet fuq 44 vettura kummerċjali 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tul dawn l-aħħar xhur saru serje ta’ spezzjonijiet fuq vetturi kummerċjali u tal-merkanzija, bħal trakkijiet u vetturi oħra ta’ ċertu piż.

B’kollox twaqqfu 44 vettura waqt dawn l-ispezzjonijiet filwaqt li ġew innutati 69 illegalità. Numru ta’ vetturi kellhom aktar minn illegalità waħda u kellhom jiġu mmultati ta’ dawn il-kontravenzjonijiet. 

Uħud min-nuqqasijiet li nstabu waqt dawn l-ispezzjonijiet kienu li t-tyres ma kinux f’kundizzjoni tajba, ma kellhomx tagħmir xieraq għat-tifi tan-nar bħal fire extinguishers, ma kinux f’kundizzjoni ġenerali tajba, ma kellhomx liċenzja valida jew kellhom polza tal-assigurazzjoni skaduta. Ġew ukoll elevati żewġ vetturi li ma setgħux jibqgħu jintużaw minħabba l-kundizzjoni ħażina li kienu fiha. 

Dawn l-ispezzjonijiet isiru bejn numru ta’ awtoritajiet kompetenti li jaċċertaw li diversi aspetti mill-operat ta’ dawn il-vetturi kummerċjali huwa konformi mal-liġijiet ta’ pajjiżna u dawk internazzjonali. Uffiċjali tal-Infurzar minn Transport Malta jaħdmu f’kollaborazzjoni  ma’ uffiċjali minn taqsimiet oħra, fosthom it-Taqsima tat-Traffiku u d-Dipartiment tal-Immigrazzjoni fi ħdan il-korp tal-Pulizija, uffiċjali mill-Jobsplus u kif ukoll mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER). F’waħda minn dawn l-ispezzjonijiet kien hemm preżenti ukoll uffiċjali mill-European Labour Agency (ELA).

L-iskop ta’ dawn l-ispezzjonijiet huwa wieħed olistiku u li jmur oltre minn sempliċi spezzjoni biex tassigura li l-vettura tkun konformi ma mal-kodiċi tat-traffiku u legiżlazzjonijiet oħra. Uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija, apparti li jkunu qed jagħtu l-assistenza tagħhom biex tinżamm il-bon-ordni waqt dawn l-ispezzjonijiet, jaċċertaw li sew il-vetturi kif ukoll min qed jagħmel użu mill-istess vetturi mhux qed jagħmel dan għal skopijiet illeċiti. L-Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jiċċekjaw li min qed jagħmel użu minn dawn il-vetturi mhux qiegħed fil-pajjiż b’mod illegali. L-uffiċjali mid-DIER jaraw li l-ħaddiema li qed jagħmlu użu minn dawn il-vetturi huma pprovduti b’dawk il-kundizzjonijiet ta’ xogħol skont il-liġi, filwaqt dawk tal-JobsPlus jaċċertaw illi min iħaddem jirreġistra lill-impjegati tiegħu skont kif titlob il-liġi. 

Is-Sur Patrick Pollacco, Direttur fi Direttorat ta’ l-infurzar fi ħdan Transport Malta saħaq fuq l-importanza ta’ investiment kostanti u kontinwu fis-sigurtà fit-toroq li qiegħda tagħmel l-Awtorità. Is-Sur Pollacco rringrazzja lill-ħaddiema għall-isforzi tagħhom biex jgħinu fl-infurzar ta’ dawn il-vetturi, u kif ukoll lid-Dipartimenti u Korpi Dixxiplinarji oħra  li jkunu qed jgħinu waqt dawn l-ispezzjonijiet.

Sport