Wednesday, July 24, 2024

85% tal-lokalitajiet koperti mis-servizz tal-Pulizija fil-Komunità

Aqra wkoll

Is-servizz tal-Pulizija fil-Komunità kompla jiġi estiż, biex issa qed ikopri erba’ u erbgħin lokalità, li jammontaw għal 85% tal-lokalitajiet f’pajjiżna. 

Huwa previst illi l-pulizija tal-komunità se jibdew joperaw fi tmien lokalitajiet oħra fiż-żmien li ġej, li huma; Birkirkara, in-Naxxar, il-Għargħur, iż-Żejtun, il-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Qormi u Tas- Sliema.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ta dawn id-dettalji fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea. 

Il-Ministru Camilleri sostna wkoll li l-Korp jinsab kommess li joffri servizzi fil-qasam tal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika wara li ġie miftuħ hub ġdid ġewwa Santa Luċija. 

Qal li filwaqt li dan ic-ċentru ser jaqdi il-ħtiġijiet relatati ma’ Vjolenza Domestika għar-reġjun tan-nofsinhar ta’ Malta, hemm proġett ieħor, u għaddejjin arranġamenti biex eventwalment jinfetaħ ċentru li jlaħħaq it-Tramuntana tal-pajjiż. Dan waqt li jkompli jiġi offrut is-servizz kontra l’Vjolenza Abbażi ta’ Ġneru u Vjolenza Domestika mill-Kwartieri Generali tal-pulizija.

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar ir-Roads Policing li se tkun skwadra speċjalizzata ġdida fil-Korp tal-Pulizija, iffukata sabiex tassisti fis-sigurtà tat-toroq tagħna. 

Din l-iskwadra se tkun qegħda tassisti wkoll sabiex, wara li jsiru l-emendi legali meħtieġa, jitnaqqas id-dewmien tal-ftuħ mill-ġdid tat-toroq wara xi inċident tat-traffiku. 

Ekonomija

Sport