Tuesday, May 21, 2024

Turista tiġbed filmat tal-avvanzi sesswali li għamel fuqha xufier waqt rikba mill-ajruport

Aqra wkoll

Xufier ammetta fil-Qorti li għamel avvanzi sesswali fuq turista mal-wasla tagħha f’Malta u talab skuża għal dak li għamel. 

Il-każ seħħ is-Sibt filgħaxija meta l-mara rikbet mill-ajruport għal Tas-Sliema.

Il-Qorti semgħet kif ix-xufier – Ahmed Hassan Moustafa Moussa Ebid -li huwa Eġizzjan u għandu 44 sena, beda jgħaddi xi kummenti lill-passiġġiera u anke poġġa jdejh fuq kuxtejha. Hija neħħietlu jdejh u talbitu biex jieqaf. Minkejja dan, ix-xufier allegatament kompla jiffastidjaha u saħansitra messilha l-partijiet privata tagħha. 

L-Ispettur Roxanne Tabone spjegat kif il-mara kienet qaltlu “bosta drabi” biex jieqaf waqt li rnexxielha wkoll tiġbidlu filmat bil-mobile tagħha mingħajr ma nduna. Aktar tard hija marret tagħmel rapport l-għassa.

Il-Pulizija għamlu kuntatt mal-kumpanija tal-cabs li kien jaħdem magħha l-imputat u rnexxielhom jaslu għas-suspettat, li ammetta magħhom li kien wettaq dan ir-reat u kkonferma tali ammissjoni fil-Qorti. 

L-Avukat Difensur spjega li din kienet l-ewwel darba li l-imputat xellef difrejgħ mal-ġustizzja u li huwa kien ilu għal xi żmien jaħdem f’pajjiżna filwaqt li kien qed jitlob skuża għal għemilu. 

Ebid ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm jingħata s-sentenza fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa kuljum u sabiex ma javviċinax lill-vittma.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Roxanne Tabone. L-Avukat Thomas Barbaro Sant deher għall-imputat. L-Avukati Rene’ Darmanin u Alfred Abela dehru parte civile. 

Sport