Wednesday, April 24, 2024

Abbandun tal-post tax-xogħol wassal għat-tmiem ta’ impjieg

Aqra wkoll

It-Tribunal Industrijali kkonferma t-tmiem ta’ impjieg ta’ mara minn ma’ kumpanija wara li qies li kienet l-impjegata li abbandunat il-post tax-xogħol tagħha. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-impjegat kienet ħarġet fuq leave tal-maternità għal perjodu ta’ erba’ xhur u wara daħlet lura għax-xogħol.

Minn hemm ‘il quddiem għamlet ġranet ma tidħolx għax-xogħol minħabba kemm mard tat-tarbija u anke tagħha stess u okkażjonijiet fejn ma kellha lil ħadd min iżommilha t-tifla.

Jirriżulta li fuq perjodu ta’ xahar daħlet għax-xogħol disa’ darbiet biss. Skont il-kumpanija, l-impjegata kienet eżawriet il-leave kollu inkluż il-leave tal-emerġenza li kienet intitolata għalih. Hija ġiet infurmata li kellha tidħol lura għax-xogħol. 

Min-naħa tagħha, il-mara rrispondiet li minħabba s-saħħa tat-tarbija tagħha ma kienx possibbli li tirritorna dakinhar. L-għada l-Ġimgħa ma rrappurtatx għax-xogħol iżda nfurmat lill-kumpanija li mit-Tnejn ta’ wara kienet se tidħol.

Fil-fatt ma daħlitx u hija ġiet infurmata b’email li l-impjieg tagħha kien terminat minħabba abbandun tal-impjieg. il-mara tgħid li għal raġunijiet serji li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa ta’ bintha tarbija ma setgħetx tagħmel mod ieħor. Tgħid ukoll li anke offriet li ma titħallasx iżda qatt ma rrispondew għat-talba tagħha.

Il-mara tallega li l-kumpanija riedet teħles minnha peress li kienet ġiet impjegata persuna oħra u għaldaqstant meta daħlet lura wara l-leave tal-maternità kien se jkollhom persuna żejda. Tgħid ukoll li qatt ma kien hemm xi ilment fuqha u dejjem qdiet id-doveri tagħha tajjeb. 

It-Tribunal Industrijali, fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu, innota li l-fatti dwar l-assenzi varji tal-mara mill-post tax-xogħol ma kinux ikkontestati. “Ir-raġunijiet jidhru li kienu validi skont il-mara, iżda l-kumpanija akkomodat kemm setgħet dawn l-assenzi waqt li sofriet l-effett tagħhom,” qal it-Tribunal. 

“F’ċertu żmien ma setgħetx tissaporti aktar u meta ġew eżawriti l-ġranet tal-leave u l-emergency leave ma kellha l-ebda triq oħra ħlief dik li tipprova tassigura finalment li l-mara tirritorna lura għad-doveri ta’ ħidma tagħha.”

It-Tribunal qal ukoll li ma ġie ppruvat bl-ebda mod li l-kumpanija riedet teħles mill-mara u l-fatt li ma kienx hemm ebda lment dwar ix-xogħol tagħha waqt il-ħajja lavorattiva qasira tagħha jsostni aktar dan.

Fl-istess waqt, it-Tribunal ikkunsidra l-fatt li l-mara kienet ġiet offruta l-impjieg mill-ġdid bl-istess kundizzjonijiet li kienet tgawdi qabel. “Dan ċertament ma jindika bl-ebda mod li riedu jeħilsu minnha. Anzi jikkonferma li l-unika problema kienet l-assenteiżmu tagħha.”

In-nuqqas tal-mara li terġa’ lura għax-xogħol, għal raġuni jew oħra, huwa fil-fehma tat-Tribunal ekwivalenti għal ‘constructive resignation’. “Hija azzjoni li permezz tagħha l-mara tkun itterminat il-vinkolu kontrattwali li kellha mal-kumpanija.”

Kien għalhekk li ddeċieda li t-terminazzjoni tal-impjieg tal-mara minn mal-kumpanija kienet kawża tal-abbandun tal-impjieg min-naħa tagħha u għaldaqstant l-istess kumpanija kienet ħielsa mill-akkuża tal-liċenzjament illegali. 

Sport