Sunday, December 22, 2024

Abina l-qattiel ta’ Rita Ellul jintbagħat għomru l-ħabs

Aqra wkoll

Lawrence Abina ta’ 31 sena mill-Ghana ntbagħat għomru l-ħabs wara li l-ġurati sabuh ħati b’mod unanimu li qatel lill-eks sieħba tiegħu, Rita Ellul.

Il-każ kien seħħ f’Għajnsielem fi Frar, 2022.

Aktar kmieni: Il-ġurati jsibu lil Lawrence Abina ħati b’vot unanimu li qatel lil Rita Ellul

Il-ġurati wara sigħat jiddeliberaw sabu lil Lawrence Abina ta’ 31 sena mill-Ghana ħati li qatel lill-ex sieħba tiegħu, Rita Ellul fi Frar 2022.

Wara ħamest ijiem ta’ ġuri, il-ġurati sabuħ ħati b’mod unanimu.

Rita Ellul ta’ 49 sena kienet instabet mejta f’appartament f’Għajnsielem. Għall-ewwel il-pulizija kienu ħasbu li kienet mewta naturali, iżda wara li saret l-awtopsja ġie konkluż li hija mietet fgata.

L-Imħallef Natasha Galea Sciberras filwaqt li rringrazzjat lill-ġurija tax-xogħol li wettqu qalet li se tkun qiegħda tisma s-sottomissjonijiet dwar il-piena.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat instab ħati għal akkużi ta’ natura serji ħafna. Qalu li l-piena għandha tiġi kkunsiddrata fuq il-fatt ukoll li l-vittma kienet rieqda waqt id-delitt u għalhekk ma setgħetx tiddefendi lilha nnifsha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat m’għandux ikollu post fis-soċjeta minħabba li hu kkważa tbatija infinita lill-vittma u qatt ma wera rimors. Kien għalhekk li l-Prosekuzzjoni qalet li l-Qorti għandha tikkundanna lil Lawrence Abina għomru l-ħabs.

Min-naħa tiegħu l-Avukat għal parte civile, Franco Debono qal li l-Qorti għandha tikkunsidra u żżomm f’moħħha li l-familjari tilfu omm u ħabiba u li baqgħet issofru sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha.

Min-naħa tiegħu l-avukat difensur Simon Micallef Stafrace qal li ma tantx hemm xi tgħid u talab lill-Qorti biex tikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

L-Ispetturi Kurt Zahra, Josef Gauci u Wayne Camilleri investigaw dan il-każ filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Kaylie Bonett u Anthony Vella li kieku qegħdin jirrappreżentaw lill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport